Anzjani

Ġeneralment wieħed jassoċja età akbar ma’ tnaqqis fl-interess u l-imġiba sesswali. Madankollu dan mhux dejjem ikun il-każ u jista' jvarja minn individwu għal ieħor, skont is-saħħa fiżika tal-persuna, is-saħħa psikoloġika u l-attivitajiet sesswali preċedenti.

 

Ħafna persuni akbar fl-età jiskopru li jistgħu jgawdu l-ħajja sesswali aktar milli meta kienu żgħażagħ. Dan peress li jkunu aktar komdi b’ġisimhom, hemm ċans akbar li jkunu jafu aktar x’jogħġob lilhom u lil-partner/a tagħhom u konsegwentement jiskopru li jistgħu jgawdu aspetti tas-sesswalità bħall-intimità u l-affezzjoni aktar mis-snin ta’ qabel.

 

Kif persuna tikber fl-età hemm wkoll ċans li tiżviluppa għadd ta’ kondizzjonijiet li jistgħu jaffettwaw is-sesswalità, madankollu dawn m’hemmx għalfejn jostakolaw il-pjaċir tal-attivitajiet sesswali. L-użu ta’ għajnuniet sesswali jew ta’ masturbazzjoni reċiproka jistgħu jkunu alternattivi li wieħed jista’ jikkunsidra.

 

Wara li l-mara tgħaddi mill-menopawża, ma tibqax tirrilaxxa bajda kull xahar u għalhekk ma tkunx tista’ tinqabad tqila. Nisa akbar fl-età jsibu li jkunu jistgħu jieħdu pjaċir mill-attivitajiet sesswali mingħajr ma jinkwetaw fuq il-kontraċezzjoni. L-irġiel, min-naħa l-oħra, jipproduċu l-isperma tul ħajjithom u għalhekk jistgħu jtaqqlu lil-partner tagħhom fi kwalunkwe età.

 

 

L-irġiel jistaw jesperjenzaw dawn il-bidliet:

 

·         Nuqqas ta’ ebusija fl-erezzjoni

 

·         Żmien itwal biex tintlaħaq erezzjoni u aktar stimulazzjoni manwali

 

·         Fażi ta’ rkupru itwal (jiġifieri l-ħin bejn l-eġakolazzjoni u erezzjoni oħra)

 

Il-bidliet fin-nisa jistaw jinkludu:

 

·         Labia anqas fermi

 

·         Il-ħitan tal-vaġina jitilfu l-elastiċità

 

·         Tkun xotta

 

·         Klitoris sensittiva ħafna.

 

Ħafna mill-mard kroniku li jesperjenzaw nies anzjani u l-kura li jingħataw, jistgħu jimmodifikaw l-espressjoni sesswali tagħhom. Għaldaqstant, dan għandu jiġi diskuss mat-tabib li jkun qed jipprovdi l-kura u mhux wieħed jassumi li ma jista’ jsir xejn għal din is-sitwazzjoni partikolari.