Ġenituri

Il-konverżazzjonijiet dwar is-sess mat-tfal tiegħek jistgħu joħolqu ċerta skumdità kemm għalikom u kemm għalihom. Iżda jekk ma tiftħulhomx għajnejhom intom, min se jiftaħhomlhom? Lesti tafdaw lil ħaddieħor biex jgħallem lil uliedkom dwar il-valuri, ir-relazzjonijiet u r-rispett lejk innifsek. L-edukazzjoni dwar is-sess tingħata fl-iskejjel, madankollu jista’ jkun li uliedek ikunu jridu jiċċaraw xi affarijiet id-dar, jew jista’ jkun li jibqgħalhom mistoqsijiet li forsi ħassewhom wisq embarazzati biex jistaqsu fil-klassi.

 

 L-għan tal-edukazzjoni sesswali huwa li tgħin liż-żgħażagħ:

  • igawdu s-sesswalità tagħhom
  • ikollhom biżżejjed ħiliet u informazzjoni biex jipproteġu lilhom infushom u lil-partner/a tagħhom mill-mard, l-isfruttament u t-tqala mhux mixtieqa permezz ta’ ħiliet ta’ negozjar u komunikazzjoni
  • jiżviluppaw sinsla biex jieħdu d-deċiżjonijiet morali
  • jaġixxu b’mod responsabbli f’relazzjoni
  • jirrispettaw lilhom infushom u lill-oħrajn.

 

Mhuwiex biss importanti li l-adolexxenti (jew tfal iżgħar) jirċievu edukazzjoni sesswali tajba ħafna, iżda huwa fuq kollox dritt tagħhom, billi jeħtieġ li jitgħallmu kif jipproteġu lilhom infushom mill-abbuż, l-isfruttament, it-tqala mhux prevista u l-mard trażmess sesswalment. L-għan tal-edukazzjoni sesswali huwa li tipprovdi ħiliet u għarfien li jintużaw tul il-ħajja. Barra mill-għoti ta’ għarfien, hija għandha wkoll l-għan li tinfluwenza l-imġiba evidenti u mhux biss l-attitudnijiet, biex b’hekk in-nies jieħdu deċiżjonijiet infurmati u jħossuhom kunfidenti u kompetenti li jaġixxu abbażi ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Huwa diffiċli li wieħed jaġixxi biss abbażi tal-informazzjoni, sabiex tkun effettiva l-edukazzjoni sesswali għandha tiddependi fuq il-kapaċità tal-adolexxenti li jikkomunikaw, jinnegozajw u jistaqsu għal sorsi ta’ għajnuna u pariri meta jkollhom bżonnhom.

 

Iż-żgħażagħ għandhom sorsi differenti li jagħtuhom messaġġi dwar is-sesswalità, il-programmi fl-iskejjel, il-midja, sħabhom u l-ġenituri. Dawn is-sorsi kollha xi darbi jistgħu jidhru kontradittorji u mħawdin. Il-ġenituri għandhom pożizzjoni unika minħabba li jistgħu jiggwidaw lil uliedhom gradwalment u skont iċ-ċirkustanzi. Huma għandhom l-opportunità jibnu relazzjoni ta’ fiduċja ma’ wliedhom, u b’hekk uliedkom iħossu li jistgħu jitkellmu b’mod miftuħ magħhom. Barra minn hekk, il-ġenituri jistgħu jimmonitorjaw l-iżvilupp konoxxittiv ta’ wliedhom u jaraw liema jkun l-aħjar żmien biex jaqbdu s-suġġett tas-sesswalità. Il-ġenituri xorta jibqgħu influwenti ħafna anki jekk ma jkunux daqshekk involuti u ma jkollhomx relazzjoni mill-qrib ma’ wliedhom, jew jekk ma jkunx hemm biżżejjed komunikazzjoni bejn iż-żewġ partijiet. Pereżempju, l-imġiba sesswali tal-ġenituri, il-monitoraġġ tal-imġiba tal-ulied, u l-istatus soċjali u ekonomiku tal-ġenituri kollha jistgħu jinfluwenzaw l-imġiba sesswali tal-ulied.

 

Li titkellem ma’ wliedek dwar is-sess ma għandhiex tkun xi ħaġa ta’ darba. Hemm wisq informazzjoni biex tingħadda f’darba. Barra minn hekk, aktar ma jsiru konverżazzjonijiet aktar tista’ titrawwem komunikazzjoni tajba bejnek u bejnhom. Jekk iħossu li int titkellem b’mod apert magħhom, isibuha aktar faċli li jsaqsuk il-mistoqsijiet tagħhom.

 

Hemm ħafna dwar xiex titkellem: il-pubertà u l-menstrwazzjoni, ir-riproduzzjoni – id-diskursata dwar “Minn fejn jiġu t-tfal”, il-kontraċezzjoni u l-SAIs. Dawn huma suġġetti li jindirizzaw l-aspetti fiżiċi tas-sess, iżda hemm suġġetti oħra li tista’ tikkunsidra bħall-privatezza u t-teħid ta’ deċiżjonijiet sesswali. Jista’ jkun li ma tkux taf tirrispondi l-mistoqsijiet kollha, għalhekk jista’ jkun utli li takkwista xi kotba dwar il-pubertà u s-sess. Barra minn hekk, għandkom titkellmu dwar kif iħossuhom uliedkom, kif jaraw lil ġisimhom, kif jaħsbuha dwar li toħroġ ma’ xi ħadd u dwar is-sess sigur. Iddiskuti magħhom dwar il-valuri tiegħek, u ftakar li dan mhux monologu, inkoraġġihom jitkellmu dwar kif jaħsbuha.

 

Jekk dawn il-konverżazzjonijiet jibdew minn kmieni, igawdu t-tfal fl-iżvilupp tagħhom. Pereżempju, jekk tispjega l-bidliet li jseħħu fil-pubertà qabel uliedkom fil-fatt jilħqu dan l-istadju tista’ tnaqqas l-ansjetà u l-mistħija. Dan jgħinhom jirrispondu għall-pressjoni tal-grupp aħjar. Jekk ikunu preparati u jkunu jafu li huwa normali li xi drabi tħoss li qed issir pressjoni fuqek, huwa aktar probabbli li jiddefendu lilhom infushom u li jieħdu deċiżjonijiet indipendenti, milli jkunu influwenzati minn dak li jgħidulhom sħabhom.

 

Iż-żgħażagħ jevitaw li jkellmu lill-ġenituri tagħhom għax ma jkunux iridu li l-ġenituri jieħdu impressjoni ħażina tagħhom. Madankollu, xorta jkunu jixtiequ li l-ġenituri jkunu s-sors ewlieni tal-informazzjoni. Barra minn hekk, hemm ċans akbar li tifel jew tifla akbar iħossuhom skomdi jitkellmu ma’ ġenitur u jista’ jkun li jassumu li mhix ħaġa normali titkellem fuq dawn l-affarijiet peress li l-ġenituri qatt ma jkunu qabdu dan is-suġġett.

 

Ħafna drabi l-ġenituri stess jaħsbuha darbtejn biex jitkellmu dwar dan is-suġġett, jew iħossu li ma għandhomx biżżejjed informazzjoni biex jiddiskutu s-suġġett. Punt tat-tluq tajjeb ikun li tiskopri xi jkun se jsir l-iskola għal dan is-suġġett u forsi tuża dan biex jiffaċilita l-konverżazzjoni qabel jew wara li t-tfal jiddiskutu s-suġġett l-iskola.

 

Il-Komunikazzjoni Effettiva:

  • Il-bażi għal diskussjoni tajba dwar is-sess hija relazzjoni tajba. Qatta’ l-ħin ma’ wliedek u ppromwovi diskussjonijiet dwar suġġetti oħrajn.
  • Iggwidahom dwar kif jasserixxu l-indipendenza tagħhom. Iggwida lil uliedek żgħażagħ kif jesprimu l-individwalità tagħhom, anki jekk ma taqbilx mal-għażliet tagħhom.
  • Żomm il-kompjuter f’parti komuni fid-dar, biex tkun tista’ tissorvelja dak li wliedek qed jaċċessaw.
  • Isma’ l-opinjonijiet tagħhom
  • Uża mistoqsijiet miftuħin (jiġifieri li ma jwasslux għal sempliċi iva jew le)