Pressjoni minn sħabek

Waqt l-adolexxenza, il-ħbieb isiru aktar influwenti u hemm ċans li ż-żgħażagħ jibdew jisimgħu aktar minnhom milli mill-ġenituri, peress li dan huwa proċess fejn wieħed isir aktar indipendenti mill-familja. Il-pressjoni tal-grupp tista’ tinfluwenza l-għażliet l-aktar importanti tal-ħajja.

 

Għalkemm is-sess huwa deċiżjoni personali, il-pressjoni tal-grupp hija pjuttost komuni. Fattur li jikkontribwixxi ħafna biex iż-żgħażagħ jagħmlu attività sesswali, sew jekk ikunu lesti għaliha u sew jekk le, hija l-idea ħażina li kulħadd huwa sesswalment attiv. Skont stħarriġ f’Psychology Today, x’aktarx li s-subien aktar mill-bniet iħossu l-pressjoni ta’ sħabhom biex ikunu sesswalment attivi. M’hemmx żmien tajjeb jew ħażin biex wieħed isir sesswalment attiv, dan iż-żmien ivarja minn persuna għal oħra.

 

Waħda mill-aktar affarijiet importanti hi li tħoss li tista’ titkellem mal-partner/a potenzjali tiegħek dwar dak li tkun qed taħseb u tħoss. Jekk tħoss li l-partner/a tiegħek i/tkun qed j/tisfurzak torqod miegħu/magħha, għandek tikkunsidra jekk dan hux it-tip ta’ relazzjoni li tixtieq. Jekk it-tnejn tkunu lesti li tikkunsidraw is-sess, għandkom tiddiskutu kemm l-att innifsu, u kemm l-użu tal-kontraċezzjoni. Huwa normali li jkollok il-mistoqsijiet qabel l-ewwel darba u huwa importanti li jkollok sors affidabbli ta’ informazzjoni li jagħtik it-tweġibiet li jkollok bżonn.

 

Sfortunatament, anki mill-ewwel darba tista’ toħroġ tqila jew tlaqqat STI, għalhekk jeħtieġ li tikkunsidra l-kontraċezzjoni kif ukoll il-prevenzjoni tal-infezzjonijiet. Ma għandekx tħoss li trid tikkomprometti dawn iż-żewġ affarijiet minħabba li l-partner/a tiegħek ma j/tkunx j/trid j/tuża l-protezzjoni. Għal darba oħra, aħseb jekk verament tridx tkun f’relazzjoni ma’ xi ħadd li ma jagħtix prijorità lil saħħtu/saħħitha u lil saħħtek.