Ġeneralment wieħed jassoċja età akbar ma’ tnaqqis fl-interess u l-imġiba sesswali. Madankollu dan mhux dejjem ikun il-każ u jista' jvarja minn individwu għal ieħor, skont is-saħħa fiżika tal-persuna, is-saħħa psikoloġika u l-attivitajiet sesswali preċedenti.
Ħafna persuni akbar fl-età jiskopru li jistgħu jgawdu l-ħajja sesswali aktar milli meta kienu żgħażagħ. Dan peress li jkunu aktar komdi b’ġisimhom, hemm ċans akbar li jkunu jafu aktar x’jogħġob lilhom u lil-partner/a tagħhom u konsegwentement jiskopru li jistgħu jgawdu aspetti tas-sesswalità bħall-intimità u l-affezzjoni aktar mis-snin ta’ qabel.
Kif persuna tikber fl-età hemm wkoll ċans li tiżviluppa għadd ta’ kondizzjonijiet li jistgħu jaffettwaw is-sesswalità, madankollu dawn m’hemmx għalfejn jostakolaw il-pjaċir tal-attivitajiet sesswali. L-użu ta’ għajnuniet sesswali jew ta’ masturbazzjoni reċiproka jistgħu jkunu alternattivi li wieħed jista’ jikkunsidra.
Wara li l-mara tgħaddi mill-menopawża, ma tibqax tirrilaxxa bajda kull xahar u għalhekk ma tkunx tista’ tinqabad tqila. Nisa akbar fl-età jsibu li jkunu jistgħu jieħdu pjaċir mill-attivitajiet sesswali mingħajr ma jinkwetaw fuq il-kontraċezzjoni. L-irġiel, min-naħa l-oħra, jipproduċu l-isperma tul ħajjithom u għalhekk jistgħu jtaqqlu lil-partner tagħhom fi kwalunkwe età.
L-irġiel jistaw jesperjenzaw dawn il-bidliet:
· Nuqqas ta’ ebusija fl-erezzjoni
· Żmien itwal biex tintlaħaq erezzjoni u aktar stimulazzjoni manwali
· Fażi ta’ rkupru itwal (jiġifieri l-ħin bejn l-eġakolazzjoni u erezzjoni oħra)
Il-bidliet fin-nisa jistaw jinkludu:
· Labia anqas fermi
· Il-ħitan tal-vaġina jitilfu l-elastiċità
· Tkun xotta
· Klitoris sensittiva ħafna.
Ħafna mill-mard kroniku li jesperjenzaw nies anzjani u l-kura li jingħataw, jistgħu jimmodifikaw l-espressjoni sesswali tagħhom. Għaldaqstant, dan għandu jiġi diskuss mat-tabib li jkun qed jipprovdi l-kura u mhux wieħed jassumi li ma jista’ jsir xejn għal din is-sitwazzjoni partikolari.