Adozzjoni

Xi koppji jikkunsidraw l-adozzjoni meta l-kura ma tirnexxix. Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fl-2009, ġew adottati 44 tifel u tifla. L-Att dwar l-Adozzjoni jista' jiġi kkonsultat hawnhekk:

http://www.justiceservices.gov.mt/DownloadDocument.aspx?app=lom&itemid=8961&l=2

 

Is-Servizzi tal-Adozzjoni tal-Agenzija Appoġġ iservu biex jivvalutaw l-adegwatezza tal-koppja jew tal-individwu li huwa interessat fl-adozzjoni tat-tfal. Huma jħarsu lejn aspetti psikoloġiċi, soċjali u mediċi. Jassistu fit-tlestija tad-dokumentazzjoni u l-forom, kif ukoll jipprovdu appoġġ u gwida. Koppja li jkunu ilhom miżżewġin għal tliet snin jew aktar jew persuna weħidha jistgħu jadottaw tifel jew tifla. Koppji li jikkoabitaw ma jistgħux jadottaw flimkien, iżda persuna weħidha tista' tadotta u l-oħra ma tkunx taħt obbligu legali lejn it-tifel jew tifla. Mill-inqas wieħed mill-ġenituri prospettivi għandu jkollu 28 sena jew aktar, u d-differenza massima bejn l-età ta’ wieħed mill-ġenituri prospettivi u t-tifel jew tifla hija ta' 45 sena.

 

Il-proċess tal-adozzjoni jibda meta l-koppja jew il-persuna juru interess biex jadottaw. Huma jiġu informati dwar il-leġiżlazzjoni Maltija u mbagħad huma meħtieġa jattendu sensiela ta' seminars ta’ tħejjija. Ladarba dawn jitlestew, il-ħaddiema soċjali jevalwaw il-ġenituri prospettivi u jippubblikaw Home Study Report li mbagħad jiġi ppreżentat lill-Bord tal-Adozzjoni, li jiddeċiedi dwar l-adegwatezza tal-ġenituri prospettivi. Jekk jiġi approvat, il-ġenituri jitpoġġew fuq lista ta' stennija sakemm ikun hemm tifel jew tifla disponibbli għall-adozzjoni.

 

Fil-preżent, qed isir ħidma biex jiġi żgurat proċess ta' adozzjoni bla xkiel, bil-għan li jitnaqqas il-ħin ta' stennija għall-korsijiet tal-adozzjoni tal-Appoġġ, kif ukoll sabiex ikun aktar faċli li jiġu adottati tfal Maltin. Bħalissa Malta għandha ftehimiet ta’ adozzjoni ma’ dawn il-pajjiżi: l-Albanija, il-Bulgarija, il-Kambodja, il-Kolombja, l-Etjopja u r-Russja.

 

L-Aġenzija Appoġġ wkoll toffri appoġġ lill-ommijiet li qed jikkontemplaw li jagħtu l-wild tagħhom għall-adozzjoni.

 

Għal aktar informazzjoni dwar l-adozzjoni, ċempel lill-Aġenzija Appoġġ fuq 2295 9000, permezz tal-email appogg@gov.mt jew żur il-websajt tagħhom www.appogg.gov.mt.