L-Metodu tal-għonq tal-utru

In-nisa huma mħeġġa wkoll biex josservaw it-tibdil fl-għonq tal-utru bħall-konsistenza, il-pożizzjoni u jekk il-fetħa tiegħu tkunx miftuħa jew magħluqa. Fil-bidu taċ-ċiklu, meta l-livelli tal-ormoni (l-estroġenu u l-proġesteron) ikunu baxxi, l-għonq tal-utru jkun imniżżel ’l isfel fil-vaġina u jkun jista’ jinħass faċilment. Il-fetħa tal-għonq tal-utru tkun magħluqa u tkun tinħass iebsa. Meta l-livelli tal-estroġenu jogħlew, l-għonq tal-utru jinbidel u fil-ġurnata tal-qofol tal-mukus, il-fetħa tiegħu tkun tinħass ratba. Tinfetaħ, u l-għonq tal-utru jitla’ aktar ’il fuq fil-vaġina, u jkun aktar diffiċli biex jinħass. Wara l-ovulazzjoni l-għonq tal-utru jerġa’ lura għal li jkun; ’l isfel, u iebes meta jkun magħluq. L-iċċekkjar tal-pożizzjoni u tal-konsistenza tal-għonq tal-utru, flimkien mal-metodu tal-mukus tal-għonq tal-utru, jista’ jsir faċilment miż-żewġ partijiet tal-koppja.