Il-Pillola kontraċettiva kombinata

Il-pillola kontraċettiva kombinata (orali) fiha żewġ ormoni – l-estroġenu u l-proġestoġen. Illum hi waħda mill-aktar metodi ta’ kontraċezzjoni użati. Tippreveni t-tqala billi:

     twaqqaf l-ovulazzjoni

     tagħmel l-endometriju diffiċli għall-impjantazzjoni

     tagħmel lill-mukus tal-għonq tal-utru impenetranti

 għall-isperma

     hemm erba’ tipi ta’ pilloli kombinati:

     pilloli ta’ livell wieħed ta’ ormoni (monophasic)

     pilloli ta’ żewġ livelli ta’ ormoni (biphasic)

     pilloli ta’ tliet livelli ta’ ormoni (triphasic)

     pilloli ta’ kuljum (ED)

 

Il-pilloli ta’ livell wieħed ta’ ormoni huma l-aktar li jintużaw u dan ifisser li jekk tieħu dil-pillola għal perjodu ta’ 21 jum ikollok l-istess ammont ta’ estroġenu u proġestoġen matul perjodu ta’ 21 jum ta’ pilloli. Il-pilloli ta’ żewġ livelli jittieħdu wkoll għal medda ta’ 21 jum u fihom l-istess ammont ta’ estroġenu. Madankollu fil-kaxxa jkun hemm pilloli b’żewġ livelli ta’ proġestoġen. Dawn ġeneralment ikunu ta’ lewn differenti.

 

Il-pilloli ta’ tliet livelli jittieħdu wkoll għal 21 jum u l-kaxxa tagħhom ikollha pilloli b’ammonti varjati ta’ estroġenu (ġeneralment ta’ żewġ livelli differenti) u pilloli ta’ tliet livelli ta’ proġestoġen, indikati b’kuluri differenti. Il-pilloli ta’ kuljum huma jew ta’ livell wieħed jew ta’ tliet livelli imma jdumu jittieħdu għal 28 jum. Wieħed u għoxrin pillola jkun fihom l-estroġenu u l-proġestoġen u seba’ pilloli oħra jkunu inattivi u ma jkunx fihom ormoni. L-għan tal-pillola ta’ kuljum hu li żżomm l-istess livelli ta’ ormoni fil-mara.

 

Il-pillola kombinata ta’ 21 jum trid tibda tittieħed fl-ewwel ġurnata taċ-ċiklu menstruwali tal-mara, jiġifieri fl-ewwel ġurnata meta tara d-demm. Jekk tibda tittieħed mill-ewwel jum tal-menstruwazzjoni, ma jkunx hemm għalfejn jittieħdu miżuri oħra ta’ kontraċezzjoni. Dan japplika għall-pilloli kollha ta’ 21 jum, kemm jekk huma ta’ livell wieħed, ta’ żewġ livelli jew ta’ tlieta. Jekk il-pillola tibda tittieħed f’xi waqt ieħor taċ-ċiklu jkunu jridu jittieħdu prekawzjonijiet oħra (bħall-użu tal-kondom) għal 7 ijiem. Il-pillola trid tittieħed fl-istess ħin, kuljum. Meta jittieħdu l-21 pillola, il-mara għandha tieqaf tieħu l-pilloli għal 7 ijiem; dan iż-żmien ta’ pawsa hu magħruf bħala l-ġimgħa ta’ mingħajr pilloli, li matulha l-mara jkollha d-dmija menstruwali. Wara din il-waqfa ta’ 7 ijiem, il-mara trid terġa’ tibda tieħu l-pillola fit-8 jum. Kull kaxxa pilloli trid dejjem tibda tittieħed fl-istess jum tal-ġimgħa li fih tkun inbdiet tittieħed l-ewwel kaxxa.

 

L-effiċjenza

 

Meta l-pillola kombinata tintuża tajjeb, tkun effettiva 99% fil-prevenzjoni tat-tqala; iżda jekk ma tingħatax l-attenzjoni li suppost, l-effettività tagħha tista’ tonqos sa 92%.

 

L-effiċjenza tal-pillola kombinata titnaqqas:

     Jekk ma tittiħidx pillola – jekk il-mara tinsa tieħu l-pillola

 jew toħodha 12-il siegħa tard

     Bir-remettar – jekk il-mara tirremetti f’temp ta’ 3 sigħat

 minn wara li tkun ħadet il-pillola

     B’dijarea severa

     Bil-mediċini li jattivaw l-enzimi (enzyme inducers) jew li

 jaffettwaw l-assorbidità fl-istonku

     Jekk mara tkun qed tieħu l-antibijotiċi fl-istess żmien

 

X’għandha tagħmel mara meta tinsa tieħu l-pillola, tirremetti jew f’każ ta’ dijarea severa?

 

Jekk mara tinsa tieħu l-pillola, imma tkun qiegħda fit-12-il siegħa minn meta normalment teħodha, għandha toħodha mill-ewwel u ma jkunx hemm bżonn ta’ prekawzjonijiet oħra. Jekk ikunu għaddew 12-il siegħa, hemm ċerti azzjonijiet u prekawzjonijiet li jridu jittieħdu skont it-tip tal-pillola (pillola ta’ livell wieħed, ta’ żewġ livelli, ta’ tlieta jew ta’ kuljum) u l-ġurnata speċifika li fiha tkun inqabżet il-pillola. F’din is-sitwazzjoni, huwa importanti ħafna li l-mara titlob parir mingħand l-ispiżjar, it-tabib tal-familja jew mingħand professjonist ieħor tas-saħħa, bħal infermiera jew qabla, dwar l-azzjonijiet u l-prekawzjonijiet li għandha tieħu biex tassigura li tkun tista’ jkollha x’taqsam sesswalment b’mod sigur mingħajr ir-riskju li toħroġ tqila.

 

Jekk mara tirremetti fi żmien 3 sigħat minn wara li tieħu l-pillola, jew taqbadha dijarea qawwija, il-pillola ma tkunx effettiva u jkun hemm bżonn li jittieħdu ċerti azzjonijiet u prekawzjonijiet. Dawn jiddependu minn kemm il-mara ddum issofri mir-remettar jew mid-dijarea. F’din is-sitwazzjoni, huwa importanti ħafna li l-mara titlob parir mingħand l-ispiżjar, it-tabib tal-familja jew mingħand professjonist ieħor tas-saħħa, bħal infermiera jew qabla, dwar l-azzjonijiet u l-prekawzjonijiet li għandha tieħu biex tassigura li tkun tista’ jkollha x’taqsam sesswalment b’mod sigur mingħajr ir-riskju li toħroġ tqila.

 

In-nisa jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom f’att sesswali penetranti matul il-perjodu ta’ 7 ijiem li fihom ma jkunux qed jieħdu pilloli, sakemm ma jtawlux dan il-perjodu. Jekk mara ttawwal dan iż-żmien, tkun fir-riskju li jkollha ovulazzjoni u li tinqabad tqila. Jekk tinsa tieħu l-aħħar pillola tal-kaxxa, il-mara għandha tgħodd dik il-ġurnata bħala l-ewwel waħda talperjodu ta’ waqfien u tagħmel sitt ijiem oħra mingħajr pilloli. Jekk il-mara tinsa terġa’ tibda tieħu l-pilloli tal-kaxxa li jkun imiss fil-ħin, u jkollha intervall ta’ 8 ijiem mingħajr pilloli, il-pilloli ma jkunux effettivi u ma jservux ta’ kontraċettiv, sakemm ma tkunx għamlet 7 ijiem tibla’ l-pilloli; sadattant trid tieħu prekawzjonijiet kontraċettivi oħra, bħal ngħidu aħna billi tuża l-kondom.

 

Jekk ikollha dubju, il-mara għandha DEJJEM tikkuntattja lit-tabib, lill-ispiżjar jew lil xi professjonist ieħor tassaħħa, bħal infermiera jew qabla, għal parir.

 

L-iżvantaġġi

 

     Il-pillola trid tittieħed regolarment, kif suppost u b’mod  

 konsistenti

     Ma toffrix protezzjoni kontra l-infezzjonijiet mis-sess (STIs)  

 u l-HIV

     Żieda fir-riskju ta’ mard ċirkolatorju bħal pressjoni għolja,

 mard fl-arterji u trombożi fil-vini

     Żieda fir-riskju tal-adenoma fil-fwied, suffejra minħabba

 problema fis-sustanzi tal-fwied li jgħinu fid-diġestjoni

 tal-ikel, u l-ġebla

     L-effett tas-COC fuq il-kanċer tas-sider

     Mhux tajba għal nisa li jpejpu u li għandhom aktar minn 35

 sena

 

Il-vantaġġi

 

     Ta’ min joqogħod fuqha u tista’ titwaqqaf faċilment

     Serħan waqt menstruwazzjoni ta’ wġigħ u ħafna demm /

 mentruwazzjoni fit-tul

     Tnaqqas ir-riskju tal-anemija

     Tnaqqas ir-riskju ta’ ċesti mhux perikolużi fis-sider u

 Fl-għenieqed tal-bajd

     Serħan mis-sintomi ta’ qabel il-menstruwazzjoni

     Inqas ċans ta’ tqala barra mill-utru

     Tnaqqas il-mard infjammatorju fil-pelvi

     Tipproteġi konta l-kanċer tal-utru u tal-għenieqed tal-bajd

 

Kontraindikazzjonijiet assoluti

 

     Tqala

     Treddigħ

     Dmija mill-vaġina jew mill-utru mhix eżaminata

     Każijiet imgħoddija jew attwali ta’ trombożi tal-vini

     Każijiet imgħoddija jew attwali ta’ trombożi fl-arterji

     Mard tal-qalb kardjovaskulari u iskemiku

     Mard relatat mal-lipidi

     Migranja b’uġigħ f’parti speċifika tar-ras jew b’uġigħ li

 jiżdied mal-ħin

     Emorraġija fil-moħħ

     Attakki temporanji minħabba nuqqas fis-sistema tal-

provvista tad-demm (attakki iskemiċi)

     Mard attiv fil-fwied

     Kanċer tas-sider

     Erba’ ġimgħat qabel operazzjoni maġġuri jew operazzjoni

fis-sieq

     Obeżità (l-indiċi massimu tal-ġisem (MI) ikun aktar minn

35kg/m)

     Dijabete severa bil-kumplikazzjonijiet

     Nisa li jpejpju u li għandhom ’il fuq minn 35 sena

     Mard tal-ewwel grad fil-familja fl-arterji/vini tal-qraba ta’

 taħt il-45 sena

     Mard gravi tal-Crohn’s disease jew ulċeri fil-musrana l-kbira

   Kundizzjonijiet mediċi oħra relatati ma’ każijiet imgħoddija

li fihom kienet tintuża l-pillola kombinata jew mal-effetti tal-

isterojdi tas-sess

 

Effetti oħra

 

     Dardir

     Sensittività u nefħa fis-sider

     Dmija

     Dipressjoni

     Tibdil fix-xewqat sesswali (libido)

     Il-contact lenses jistgħu jibdew jinħassu skomdi – din ħafna drabi hi assoċjata ma’ lenses ibsin u ma’ pilloli b’doża għolja.

 

Meta mara tibda l-kontraċezzjoni orali għandha tiddiskuti r-riskji u l-benefiċċji kollha mat-tabib ħalli tifhem u tiżen ir-riskji u l-benefiċċji tal-pillola kontraċettiva.

Mara li jkollha xi waħda minn dawn il-problemi meta tkun qed tieħu l-pillola kontraċettiva għandha tfittex l-attenzjoni medika mill-ewwel:

 

     Uġigħ jew nefħa fil-pexxul tas-sieq

     Uġigħ fis-sider

     Qtugħ ta’ nifs minħabba nifs qasir

     Żieda fl-uġigħ ta’ ras

     Uġigħat ta’ ras bi problemi fit-taħdit u l-vista

     Uġigħ, tnemnim jew dgħufija fl-id jew fir-riġlejn

     Suffejra

     Uġigħ qawwi fiż-żaqq u fil-parti addominali

     Dmija wara l-att sesswali jew kwalunkwe dmija fit-tul.