Dijaframma

Id-dijaframma hija bħal tapp wiesa’ tal-lastiku (tal-latex jew tas-silicone) li jiddaħħal fil-vaġina. Tgħatti l-għonq tal-utru u twaqqaf l-isperma milli tidħol fil-vaġina u għalhekk tippreveni t-tqala. Id-dijaframma tista’ titħalla fil-vaġina għal tal-anqas 6 sigħat wara l-att sesswali, imma mhux aktar minn 24 siegħa biex ikunu evitati r-riskji ta’ mard tossiku fil-partijiet ġenitali (toxic shock syndrome) u ulċeri minħabba l-pressa. Magħha huwa rrakkomandat li jintuża l-lubrikant (krema jew ġell) spermiċidali. Dan jagħti protezzjoni kontraċettiva għal 3 sigħat. Jekk jgħaddi dan il-ħin u jkun għadu ma sarx l-att sesswali, ikun hemm bżonn li jiddaħħal aktar minnu permezz ta’ pessarju vaġinali.

Id-dijaframma hi maħsuba biex tintuża aktar minn darba, iżda wara li tintuża trid tinħasel sew bl-ilma u s-sapun (sapun li mhux qawwi), titnixxef ħalli titħalla tieħu l-forma oriġinali tagħha, u mbagħad tintrefa’ fil-kaxxa tagħha stess. L-użu tatterra, deterġenti u fwejjaħ għandu jkun evitat għax dan jista’ jwassal għal infezzjoni fil-vaġina. Id-dijaframma m’għandhiex titħalla f’xemx diretta jew f’postijiet ta’ sħana għax inkella maż-żmien tibda titmermer. Għandha tkun iċċekkjata regolarment għal toqob li jistgħu jitfaċċaw, u li jnaqqsu l-effiċjenza tagħha. Id-dijaframma trid tinbidel kull sena. Trid tinbidel ukoll f’każ li tiżviluppa xi infezzjoni fil-vaġina ħalli jkunu pprevenuti infezzjonijiet oħra.

Jekk tintuża kif suppost u b’mod konsistenti, din tista’ tkun 94% effiċjenti meta tintuża wkoll b’lubrikant spermiċidali li jippreveni t-tqala fl-ewwel sena. B’użu tipiku, meta l-mara ma tużax dan il-metodu kif suppost, id-dijaframma għandha 84% effiċjenza ma’ lubrikant spermiċidali għall-prevenzjoni tat-tqala fl-ewwel sena. Ir-rati ta’ falliment tad-dijaframma jiddependu minn kemm il-mara tużaha b’mod effettiv, bħal jekk tużahiex b’mod konsistenti, jekk iddaħħalhiex kif suppost u jekk tkunx għattiet l-għonq tal-utru kollu. Fatturi oħra li jinfluwenzaw ir-rata ta’ falliment tad-dijaframma u tal-metodi l-oħra kollha huma l-età tal-mara u kemm-il darba jkun qed ikollha x’taqsam sesswalment. Pereżempju jekk il-mara jkollha aktar minn 40 sena u tuża d-dijaframma bħala kontraċettiv, tkun inqas fertili minn mara ta’ 25 sena u għalhekk iddijaframma tkun mezz ta’ kontraċezzjoni aktar effettiv għaliha. L-użu tal-ispermiċida mad-dijaframma ilu jkun diskuss fost ir-riċerkaturi għax xi wħud jemmnu li dan ma jagħmilx differenza kbira. Imma xorta għadhom jeżistu linji gwida li jissuġġerixxu li dan għandu jintuża.

Hemm tliet tipi ewlenin ta’ dijaframmi. L-ewwel waħda hi d-dijaframma ċatta li hi tajba għal dawk in-nisa li għandhom l-għonq tal-utru ’l quddiem jew għan-nofs. It-tieni tip hu tad-dijaframma b’molla mkebba li hi ideali għal dawk in-nisa li għandhom pubis baxx, u t-tielet tip hu tad-dijaframma b’molla b’forma ta’ arkata li hi tajba għan-nisa li l-għonq tal-utru tagħhom qiegħed lura, jew għal meta l-mara jkollha diffikultà biex tħoss l-għonq tal-utru. Mara li tkun tixtieq tuża d-dijaframma trid l-ewwel tagħmel eżaminazzjoni tal-vaġina. Imbagħad tiġi mgħallma kif tużaha minn professjonist tas-saħħa. Huwa avżat biex isiru visti u eżamijiet ta’ rutina kull 6 xhur. In-numru ta’ nisa li jużaw id-dijaframma naqas drastikament mill-1960, bl-introduzzjoni tal-pillola tal-ormoni u b’mezzi moderni li jiddaħħlu fl-utru, minn terz tal-koppji Amerikani fl-1940, għal 0.2% fl-2002.

 

 


 

 

 

L-iżvantaġġi

     Teħtieġ il-motivazzjoni

     Trid tintuża kif suppost u b’mod konsistenti għall-aħjar riżultat

     Trid tintuża ma’ lubrikant (spermiċida) li jista’ jitqies bħala xi ħaġa maħmuġa u li ddellek

     Tista’ żżid ir-riskju ta’ ċesti u infezzjonijiet fil-parti tal-awrina

     Ma toffrix protezzjoni kontra l-HIV

 

Il-vantaġġi

     Tiġi kkontrollata mill-mara

     Tista’ toffri protezzjoni kontra l-kanċer tal-għonq tal-utru u kontra xi infezzjonijiet trażmessi sesswalment

     M’għandhiex effetti sistemiċi

     Tipprovdi lubrikazzjoni fil-vaġina

     Tista’ tintuża waqt il-menstruwazzjoni

     Tagħti ċ-ċans lill-mara biex tmiss u tiskopri l-aktar partijiet

 mistura ta’ ġisimha

 

Kontraindikazzjonijiet

     Tqala

     Jekk ikun hemm xi dmija fil-parti ġenitali, din trid tiġi

 eżaminata u ttrattata qabel tintuża d-dijaframma

     Iddgħajjef il-muskolu tal-vaġina jew ma tħallihx f’postu

     Nuqqasijiet mit-twelid fil-vaġina jew fl-għonq tal-utru

 (konġenitali)

     Allerġija għal-lastiku jew għall-ispermiċida

     Jekk ikun hemm xi infezzjoni fil-vaġina, fl-għonq tal-

utru jew fil-pelvi, din trid tiġi eżaminata u ttrattata qabel   

tintuża d-dijaframma

     Infezzjonijiet kontinwi fil-parti tal-awrina

     Każijiet imgħoddija ta’ mard toxic fil-partijiet ġenitali

     Xi nisa ma jkunux jistgħu jmissu l-parti ġenitali tagħhom   

 minħabba raġunijiet personali jew reliġjużi

Effetti oħra

     Infezzjoni fil-parti tal-awrina

     Mard toxic fil-partijiet ġenitali – assoċjat ma’ dijaframmi li   

 jitħallew milbusa għal aktar minn 30 siegħa

     Irritazzjoni fil-vaġina