Sterilizzazzjoni Femminili

Illum l-isterilizzazzjoni tal-mara ssir fil-parti addominali b’laparatomija żgħira (proċedura kirurġika), bi sterilizzazzjoni laparoskopika, jew mill-vaġina permezz ta’ kuldoskopija. Tista’ ssir bħala proċedura ta’ ġurnata, bil-loppju ġenerali jew lokalizzat.

 

L-isterilizzazzjoni tal-mara tinvolvi t-tneħħija jew l-imblukkar tat-tubi Fallopjani li jġorru l-bajda mill-għanqud tal-bajd għall-utru. Din tippreveniha milli tiffertilizza ruħha bl-isperma fit-tubu. L-isterilizzazzjoni tal-mara hi forma ta’ kontraċezzjoni effettiva ħafna, b’rata ta’ effiċjenza ta’ 99.4 - 99.8% għal kull 100 sena ta’ mara. Din tvarja minn liema metodu kirurġiku ta’ rbit (ligation) tat-tubu jintuża.

 

L-isterilizzazzjoni tal-mara għandha titqies bħala proċedura li mhix riversibbli. Is-suċċess tar-riversibilità jiddependi mittip ta’ proċedura użata meta l-mara tkun ġiet sterilizzata oriġinarjament u min-numru ta’ snin li jkunu għaddew minn dik l-operazzjoni. Is-suċċess ta’ mara li toħroġ tqila wara li titreġġa’ l-isterilizzazzjoni hi ta’ bejn 50% u 90%. Madankollu, wara li jiġri dan il-mara tkun f’rikju ogħla ta’ tqala barra mill-utru, bejn 3-5%.

 

Huwa importanti ħafna li l-koppja tikkonsulta nies professjonali għal parir qabel ma tkun se tagħmel din il-proċedura b’metodu permanenti. Din il-ħaġa tnaqqas ukoll id-dwejjaq ta’ wara l-operazzjoni li jgħaddu minnha xi nisa, minħabba t-telfien tal-fertilità tagħhom. Ħafna drabi l-biża’ li l-mara toħroġ tqila tqajjem xewqa għall-isterilizzazzjoni. Għalhekk fis-sessjoni tal-konsulenza jiġu kkunsidrati numru ta’ xenarji mal-koppja, bħal kif iħossuhom jekk tiġri xi ħaġa lis-sieħeb tagħhom – jekk iridux li jkollhom it-tfal ma’ sieħeb ġdid; u jekk humiex ċerti li ma jridux aktar tfal.

 

 L-iżvantaġġi

 

     Tinvolvi proċedura kirurġika u bil-loppju

 

     Mhix faċli biex tneħħiha u terġa’ ġġib il-fertilità

 

 Il-vantaġġi

 

     Effiċjenza għolja

 

     Permanenti

 

     Effettiva mill-ewwel

 

Kontraindikazzjonijiet

 

     Problemi fir-relazzjoni

 

     Nuqqas ta’ deċiżjoni dwar l-operazzjoni minn kwalunkwe parti tal-koppja

 

     Mard mentali

 

     Mard jew diżabilità li jistgħu jżidu r-riskju tal-operazzjoni

 

Kontraindikazzjonijiet relattivi

 

 

     Talba għall-isterilizzazzjoni ta’ età żgħira, eż. taħt il-25 sena

 

     L-obeżità tista’ tkun kontraindikazzjoni għal proċedura laparoskopika

 

     Effetti oħra

 

     Jekk il-metodu jfalli, ikun hemm riskju ogħla ta’ tqala barra mill-utru

 

     Emozzjonijiet ta’ dwejjaq u sens ta’ telfa