Sterilizzazzjoni maskili

Din il-proċedura kirurġika hi magħrufa bħala vażektomija u tista’ ssir billoppju lokalizzat jew ġenerali. Li jiġri hu li ssir qatgħa jew tnejn fuq kull naħa tal-iskrotu ħalli jinstab il-vas deferens. Ilvażekotomija tinvolvi l-qtugħ tal-vas deferens, li hu dak it-tubu li jġorr l-isperma mill-epididimis fit-testikoli għall-vesicles seminali. Imbagħad jitħietu l-punti.  Il-ferita tfiq fi żmien ġimgħa mill-proċedura u matul dik il-ġimgħa r-raġel jintalab biex joqgħod kalm u jevita milli jerfa’ affarijiet tqal, milli jagħmel eżerċizzju impenjattiv u mill-penetrazzjoni sesswali.

 

Meta jinqata’ l-vas deferens, l-isperma ma tkunx tista’ toħroġ u allura r-raġel isir infertili ladarba dan it-tubu (vas deferens) jitbattal mill-isperma. Din il-proċedura tieħu madwar 3 xhur. Matulhom ikun hemm bżonn metodu ta’ kontraċezzjoni alternattiv. Wara li jkun hemm żewġ okkażjonijiet infila li fihom ma tidhirx sperma fertili, l-użu ta’ dan il-metodu alternattiv ta’ kontraċezzjoni jista’ jitwaqqaf. Il-vażektomija hi forma ta’ kontraċezzjoni effettiva ħafna. Ir-rata immedjata ta’ falliment tagħha hi ta’ 1 f’kull 1,000; l-aħħar rata ta’ falliment hi ta’ madwar 1 għal kull 3,000 u 1 għal kull 7,000. Għalkemm rari ħafna, il-vażektomija tista’ tfalli u dan hu maħsub li jiġri minħabba li l-vas deferens jerġa’ jifforma.

 

Il-vażektomija tirrikjedi sensiela ta’ konsulenzi, preferibbilment maż-żewġ partijiet tal-koppja, peress li din hi deċiżjoni li taffettwa lill-koppja għal dejjem. Minħabba f’hekk, il-koppja għandha tkun żgura mid-deċiżjoni tagħha u konxja li hu ferm diffiċli biex id-deċiżjoni tkun riversibbli. Ir-riversibilità tal-vażektomija (tar-raġel) hi eħfef mir-riversibilità talisterilizzazzjoni tal-mara. Minkejja dan, għandha biss 50% suċċess li twassal għat-tqala u dan jista’ jkun inqas, jekk l-operazzjoni riversibbli ssir wara 10 snin mill-operazzjoni oriġinali tal-vażektomija. Waqt il-konsulenza ħafna drabi l-koppja tintalab tikkunsidra ċerti xenarji, pereżempju li kieku xi ħadd minnhom imut, ikunu jixtiequ li jkollhom tfal ma’ ħaddieħor? Jew, jekk xi wild minn tagħhom imut/tmut, ikunu jixtiequ aktar tfal? Jekk ma kellhomx tfal hemm ċans li jistgħu jbiddlu ħsiebhom u jsiru ġenituri? Xi drabi l-koppji ma jkunux qiesu l-possibbiltà ta’ avvenimenti bħal dawn f’ħajjithom u l-effetti tagħhom, u permezz ta’ dawn is-sessjonijiet ta’ konsulenza jsiru aktar konxji ta’ din id-deċiżjoni permanenti, tant li ġieli jiddeċiedu biex jagħmluha aktar tard fil-ħajja.

 

Ħafna drabi l-irġiel jinkwetaw fuq il-ħila tagħhom li jkollhom u jżommu erezzjoni biex ikunu jistgħu jagħmlu att sesswali penetranti wara l-vażektomija. Xi rġiel jaraw il-vażektomoija simili għat-tiswija (kastrazzjoni), u jinkwetaw fuq il-fatt li issa l-ħila maskili tagħhom tkun se tiġi mxekkla. Iżda l-vażektomija ma taffettwax il-libido, l-erezzjonijiet jew l-orgażmu, u l-eġakulazzjoni issir xorta waħda, imma ma jkunx fiha sperma. Wara l-vażektomija xi rġiel jgħaddu minn mumenti ta’ dwejjaq minħabba t-telfien tal-fertilità tagħhom u għax jaħsbu li jkunu tilfu s-sesswalità. Dan jiddependi minn kif iħossu r-raġel bid-deċiżjoni li jkun ħa. Mill-banda l-oħra xi rġiel iqisu l-vażektomija bħala l-opportunità tagħhom li jagħmlu xi ħaġa, speċjalment wara li s-sieħba tagħhom ikollha t-tfal. Din tista’ ttejjeb ir-relazzjoni u tressaq liż-żewġ partijiet tal-koppja aktar qrib xulxin għax tnaqqas l-ansjetà tal-fatt li jista’ jkun hemm tqala oħra fil-futur.

 

L-iżvantaġġi

 

     Ikun hemm bżonn ta’ kontraċezzjoni alternattiva sakemm

 ikun hemm żewġ eġakulazzjonijiet infila, bla sperma ċara

     Ikun hemm bżonn ta’ operazzjoni żgħira

     Ikun hemm bżonn tal-loppju lokalizzat jew ġenerali

     Mhix riversibbli daqstant faċilment

 

Il-vantaġġi

 

     Metodu permanenti

     Għandha effiċjenza għolja

     Tneħħi l-ansjetà ta’ tqala mhux ippjanata

     Tikkonsisti fi proċedura kirurġika sigura u sempliċi

 

Kontraindikazzjonijiet assoluti

 

     Diżabilità fiżika serja

     Problemi fis-sistema tal-awrina

     Problemi fir-relazzjoni

     Nuqqas ta’ deċiżjoni minn kwalunkwe parti tal-koppja

     Effetti oħra

     Temperatura għolja, uġigħ jew nefħa minħabba xi infezzjoni

     Tumur fid-demm (ematoma) u tbenġil minħabba dmija

 interna

     Uġigħ u nefħa jekk l-isperma toħroġ fit-tessuti viċin (sperm granuloma)