Dijabete

Id-dijabete tfisser livell għoli ta' zokkor għal perjodu ta' żmien. Hemm żewġ tipi ta' dijabete mellitus (Tip 1 u Tip 2). Livelli għoljin ta' zokkor jistgħu jagħmlu ħsara lill-vini u n-nervituri tiegħek, inklużi dawk li jfornu l-organi sesswali tiegħek. Dan jista' jillimita l-ammont ta' demm li jgħaddi lill-organi sesswali tiegħek, u b'hekk tkun tista' titlef xi sensazzjoni. Dan jista' jwassal ukoll għal diffikultà fit-tqanqil sew fiżiku sew emozzjonali (kif tħossok). Għalhekk huwa essenzjali li titkellem bil-miftuħ mat-tabib tiegħek għall-gwida u l-appoġġ dwar il-ħajja sesswali tiegħek.

Dijabete tat-Tip 1
Id-dijabete tat-Tip 1 tista' tiġi dijanjostikata fi kwalunkwe età, għalkemm tipikament tiġi dijanjostikata matul it-tfulija. Hija kundizzjoni għal tul il-ħajja ta' marda awtoimmunitarja li teqred b'mod permanenti ċ-ċelloli beta fil-frixa, li jfisser li l-ġisem ma jipproduċix insulina. Id-dieta u l-eżerċizzju huma importanti fil-ġestjoni tad-dijabete tat-tip 1, iżda ma jistgħux ireġġgħu lura l-marda jew jeliminaw il-ħtieġa għall-insulina.

Dijabete tat-Tip 2
Fid-dijabete tat-Tip 2 il-ġisem jipproduċi l-insulina iżda ma jużahiex b'mod effettiv. Ir-rispons tal-ġisem għall-istimoli sesswali huwa rregolat mis-sistema nervuża awtonoma (jiġifieri n-nervituri li jikkontrollaw l-organi interni). Dan jikkawża żieda fil-fluss tad-demm lejn il-ġenitali u l-muskoli. Id-dijabete tikkawża ħsara lill-vini u l-arterji u lin-nervituri, li tista' tikkontribwixxi għal disfunzjoni sesswali, inklużi:

  • Disfunzjoni erettili.
  • Eġakulazzjoni retrograda.
  • Tnaqqis fil-lubrikazzjoni vaġinali.
  • Tnaqqis fis-sensazzjoni.
  • Att sesswali li jikkawża l-uġigħ.
  • Nuqqas ta' xewqa u rispons sesswali.
  • Infezzjonijiet - infezzjonijiet fungali.

Dawn il-problemi huma aggravati bil-kontroll ħażin tal-glukożju fid-demm, il-pressjoni tad-demm għolja, u l-piż eċċessiv. Il-kumplikazzjonijiet jistgħu għalhekk jiġu evitati permezz tal-ġestjoni tal-piż u l-eżerċizzju regolari.