Is-Sess u l-Kanċer

Id-dijanosi tal-kanċer u l-kura li tmur miegħu li ħafna drabi jinkludu operazzjonijiet, radjoterapija u kimoterapija, jaffettwaw ħafna s-sesswalità, l-identità sesswali u l-imġiba sesswali tal-individwu. Operazzjonijiet bħall-masektomija (tneħħija tas-sider), tneħħija tal-għanqud jew għenieqed tal-bajd, il-vulvektomija (tneħħija tal-vulva), l-isterektomija (tneħħija tal-utru) u l-orkidektomija (tneħħija ta’ testikola jew tnejn), iħallu impatt sinifikanti fuq il-persuna b’tali mod li jista’ jonqos l-interess fis-sess, tħossha inqas imqanqla sesswalment, diffikultajiet biex ikollha/żżomm erezzjonijiet u orgażmi u tesperjenza uġigħ waqt is-sess.

 

Bil-kimoterapija l-effetti ħafna drabi huma kemm fiżiċi kif ukoll psikoloġiċi. Mara li jista’ jkollha t-tfal għandha tkun imwissija sabiex tevita tqala peress li l-kimoterapija għandha effett negattiv fuq l-iżvilupp tal-embrijonu. Għall-irġiel huwa tal-parir li jippreservaw l-isperma u tessut testikulari. It-tim mediku jiddiskuti dawn l-għażliet f’aktar dettal. Il-kimoterapija ġġib magħha nuqqas ta’ motivazzjoni sesswali, nuqqas ta’ lubrikant vaġinali u għalhekk uġigħ waqt l-att sesswali. Barra minn hekk, pazjenti li qed jieħdu l-kimoterapija huma avżati sabiex jipproteġu lilhom infushom minn infezzjonijiet trażmessi mis-sess bl-użu ta’ spiss tal-kondoms speċjalment meta l-għadd taċ-ċelloli bojod ikun baxx. Xagħar jaqa’, żieda jew telf fil-piż, persuna tħossha marida, nixfa fil-ħalq, dijarea, kostipazzjoni, għeja u nuqqas ta’ aptit għandhom effetti detrimentali fuq il-ħajja sesswali tal-persuna. Ħafna drabi jkun hemm ħsara lokalizzata fin-nervituri, muskoli, vini u arterji bil-kimoterapija li jaffettwa l-abiltà tal-persuni li jesprimu s-sesswalità tagħhom. Ir-raġġi ħafna drabi jġibu diffikultajiet fl-erezzjoni, nixfa vaġinali li twassal għal uġigħ fl-att sesswali, żieda jew tnaqqis fil-piż, dardir, remettar, kostipazzjoni, dijarea, ħruq bir-raġġi u għeja estrema li huma kollha tfixkil għal ħajja sesswali b’saħħitha. B’terapija ormonali fl-irġiel jista’ jkun hemm nuqqas ta’ interess fis-sess, inabiltà li sseħħ erezzjoni, tibdil fil-burdata, għeja u fwawar. Fin-nisa nixfa vaġinali, tibdil fil-burdata, nuqqas ta’ interess fis-sess u jesperjenzaw ukoll il-fwawar.

 

 B’xorti tajba, b’pariri u tmexxija tajba mit-tim tal-onkoloġija, ħafna nies u msieħba jadattaw u ħossuhom sodisfatti bir-relazzjoni sesswali li jkollhom. Dan jista’ jfisser li persuna tista’ tadatta għat-tibdil fid-drawwa sesswali ta’ qabel mas-sieħeb jew sieħba. Dan jista’ jieħdu ż-żmien u xi ftit esperimentazzjoni. Huwa importanti li persuna titkellem mas-sieħeb jew sieħba, taqsam dak li tħoss, biżgħat u xewqat. Barra milli tilħaqq ftehim fuq dak li jista’ jsir fil-ħin tar-rilassament, huwa importanti li tesprimi dak li tħoss bla biża’. Erezzjoni, penetrazzjoni u orgażmu jistgħu jkunu sekondarji ħdejn l-intimità u l-għaqda emozzjonali. Kura għall-kanċer ħafna drabi twassal għal tibdil fis-sura tal-ġisem, allura persuna trid terġa’ tidra l-ġisem tagħha mill-ġdid u taċċetta lilha nfisha kif inhi.

 

 

L-esplorazzjoni tal-individwu nnifsu bħal mess ta’ postijiet (bħal kpiepel tal-għajn, widnejn u dahar) li qabel ma kinux jitqiesu attraenti sesswalment, jista’ jgħin. Aktar ma l-ġisem jingħata dan is-sinjal malajr, aktar faċli jerġgħu jibdew il-kunfidenza fil-persuna u s-sesswalità. Ġisem ta’ persuna jista’ jkun apprezzat b’ħafna modi mhux sesswali bħal messaġġi lil xulxin, tieħu doxxa/banju flimkien u tagħmel xi attività fiżika flimkien bħal mixi qrib il-baħar jew fil-kampanja. L-eżerċizzju jżid fiċ-ċirkulazzjoni tad-demm fil-ġisem fosthom l-organi sesswali. Tilbes ħwejjeġ ta’ taħt u ħwejjeġ ta’ fuq li jattiraw b’mod sesswali u jdawwar l-attenzjoni mill-parti tal-ġisem affettwat, jgħin sabiex persuna tħossha aċċettata mill-ġdid. Tiftix għal modi ġodda sabiex tkun sodisfatt sesswalment jista’ jkun eżerċizzju sodisfaċenti fih innifsu aktar mir-rutina sesswali tas-soltu. Il-komunikazzjoni mas-sieħeb jew sieħba huwa kruċjali sabiex tidra għall-bidla fil-ġisem. Huwa importanti wkoll li taċċetta kuplimenti pożittivi mis-sieħeb jew sieħba sabiex iħossu jew tħossha attraenti mill-ġdid. Li tintlibes parrokka, rikostruzzjoni tas-sider, użu ta’ lubrikant vaġinali u li jkun hemm sess orali huma modi sabiex persuna taffaċċja din il-bidla fis-sesswalità. Jekk persuna tħossha għajjiena, għandha tnaqqas attivitajiet sesswali enerġetiċi u żżid f’dawk l-attivitajiet sesswali li jagħtuha sodisfazzjon.

 

Li persuna tieħu gost bis-sesswalità tagħha m’għandux ifixkel il-kura jew jiggrava l-kanċer jew joħloq ir-riskju li jerġa’ jitfaċċa l-kanċer. Huwa importanti li jiżdiedu l-opportunitajiet għall-kuntatt fiżiku u mill-qrib għal persuna ħalli tħossha tajba.