Id-Disfunzjoni Erettili

X’inhi disfunzjoni erettili?
Id-disfunzjoni erettili, magħrufa wkoll bħala 'impotenza', hija l-inabilità li jkollok erezzjoni u li żżommha biżżejjed biex ikun jista' jkollok attività sesswali.

Bosta rġiel jgħaddu minn problema ta' erezzjoni minn żmien għal ieħor. Dan mhux bilfors għandu jinkwetah lil dak li jkun. Madankollu, jekk id-disfunzjoni erettili ddum aktar minn 6 xhur, tista' tikkawża stress, teffettwalek l-istima tiegħek innifsek, jew tikkontribwixxi għal problemi fir-relazzjonijiet. Il-problemi b'li wieħed ikollu jew iżomm erezzjoni jistgħu jkunu wkoll sinjali ta' kundizzjonijiet oħra tas-saħħa li jkollhom bżonn trattament, bħar-riskju tal-mard tal-qalb.

Il-kawżi tad-disfunzjoni erettili:
L-erezzjoni tal-pene hija proċess kumpless li jinvolvi bosta aspetti differenti tal-ġisem: il-moħħ, l-ormoni, l-emozzjonijiet, in-nervituri, il-muskoli u l-mogħdijiet tad-demm. Meta xi ħadd ikollu problema bi kwalunkwe waħda minn dawn, hemm il-possibbiltà li jkunu jbata minn problemi ta' erezzjoni. Is-saħħa fiżika, mentali u tar-relazzjonijiet tista' wkoll teffettwa l-ħila biex dak li jkun ikollu, jew inkella jżomm, erezzjoni.

Kawżi fiżiċi possibbli:

  • Problemi kardjovaskolari, bħal vini misduda u problemi tal-qalb
  • Kolesterol għoli
  • Pressjoni għolja
  • Obeżità
  • Sklerożi Multipla
  • Kwistjonijiet ormonali, bħat-testosteron baxx, u funzjoni kajmana tat-tirojde
  • Korrimenti / operazzjonijiet li jeffettwaw iż-żona tal-pelvis jew tas-sinsla


Stili ta' ħajja li jeffettwaw il-kundizzjoni:

  • Li jkollok wisq x'tagħmel
  • It-tipjip tat-tabakk jew tal-marijuana
  • L-alkoħoliżmu, l-użu tad-drogi, l-użu ħażin ta' sustanzi oħra


Medikazzjoni/Kundizzjonijiet Psikjatriċi:

  • SSRI u mediċini oħra maħruġa b'riċetta
  • Disturbi marbuta mal-ikel
  • Disturbi marbuta mal-irqad
  • Disturb Ossessiv Kompulsiv (Obsessive Compulsive Disorder (OCD))


Kawżi psikoloġiċi:

  • Stress u ansjetà
  • Problemi fir-relazzjonijiet
  • Ansjetà dwar il-prestazzjoni sesswali
  • Problemi sesswali oħra, bħall-eġakulazzjoni prematura, disturb orgażmiku, il-marda ta' Peyronie
  • Problema bid-dehra tal-ġisem


Kif nista' nnaqqas iċ-ċans li jkolli problemi ta' erezzjoni?

  • Tgħix ħajja fiżikament sana u f'saħħitha
  • Tieħu ħsieb is-saħħa mentali tiegħek
  • Tkellem lill-partner tiegħek dwar ir-relazzjoni tagħkom u l-problemi sesswali


X'posssibilitajiet ta' trattament hemm?

  • Il-mediċini orali huma trattament għad-disfunzjoni erettili li jirnexxi għal ħafna rġiel. Dawn jinkludu: Sildenafil; Tadalafil; Vardenafil; Avanafil
  • Pompi għall-pene
  • Impjanti tal-pene
  • Terapija tas-Sess u tar-Relazzjonijiet

Miktub mis-Sur Matthew Bartolo, kliniku ewlieni, Sex Clinic Malta. Jista' jiġi kkuntattjat fuq [email protected]