Formazzjoni ta' relazzjonijiet

Ir-relazzjonijiet huma forma bażika ta' komunikazzjoni umana. Ir-relazzjonijiet jvarjaw peress li n-nies għandhom ideat, użanzi u twemmin differenti. Ir-relazzjonijiet romantiċi spiss huma ffurmati sabiex toħroġ ma’ persuna, tiżżewweġ u toħloq familja. Dan jista' jkun tfittxija għall-imħabba, il-kumpanija u l-intimità. Ir-relazzjonijiet huma uniċi hekk kif kull individwu huwa uniku. Ċerti karatteristiċi huma spiss osservati fost kull tip ta’ relazzjoni. Fir-relazzjoni eterosesswali, l-irġiel huma spiss meqjusa bħala l-kapijiet tal-familja anke jekk id-diviżjoni tal-poter qed tinbidel ukoll. Fil-koppji tal-istess sess ir-relazzjoni għandha tendenza li tkun aktar ibbażata fuq ħbiberija intima. Kemm koppji eterosesswali kif ukoll dawk tal-istess sess jgħaddu mill-istess vjaġġ ta' żvilupp, jgħaddu minn proċess li wieħed jagħti u jieħu u jibdew jgħixu flimkien u jesperjenzaw affarijiet flimkien. Il-bnedmin huma ħlejjaq soċjali u kull wieħed minna jrid iħossu inkluż fir-relazzjonijiet, fi gruppi u fis-soċjetà. Il-preġju li nħossu fina nfusna u l-kunfidenza huma spiss msaħħa jekk ikollna l-ħila li nħossuna konnessi ma' nies oħra f’varjetà ta' sitwazzjonijiet u relazzjonijiet.

 

Filwaqt li ħafna nies jagħżlu partners li magħhom jitgħu jiltqagħu kuljum l-iskola, ix-xogħol jew fi klabbs, xi nies jippreferu jifformaw relazzjonijiet b’mezzi tal-internet bħal chat rooms, Facebook u Twitter. Naturalment, normalment aktar inkunu inklinati li ninġibdu lejn nies li għandhom karatteristiċi jew twemmin komuni. Oħrajn jgħidu li tinħoloq ġibda bejn karatteristiċi opposti, iżda m’hemm xejn konklużiv dwar kwistjonijiet bħal dawn. Barra minn hekk, fir-relazzjonijiet hemm ukoll tendenza li wieħed jagħżel partner li jirreċiproka jew tirreċiproka s-sentimenti tiegħu jew tagħha ta’ appartenenza u rispett. Xi nies jargumentaw li teżisti l-"imħabba mal-ewwel daqqa t'għajn". Jista' jkun veru li wieħed jista' jħossu aktar miġbud lejn nies li huma attraenti u jkollhom it-tip ta' ġisem perfett i.e. twil, magħlub u sabiħ. Dawn il-preferenzi għandhom tendenza li jvarjaw f'kulturi u żoni differenti fid-dinja. Xi kulturi jattribwixxu s-sbuħija għal individwi smin jew għal kulur partikolari ta' xagħar. M'hemmx għalfejn ngħidu li ħafna min-nies jixtiequ li jkunu ma’ persuna li jorbtu qalbhom magħha iżda persuni oħrajn ifittxu affarijiet oħrajn bħall-istabbiltà, l-affidabbiltà, is-sinċerità, il-ġentilezza, l-istabbiltà finanzjarja, l-istatus soċjali u l-età.

 

Kull relazzjoni għandha it-tajjeb u l-ħażin tagħha. Koppja tista’ ma taqbilx fuq ċerti opinjonijiet u dan jista' jikkawża argumenti u ġlied. L-emozzjonijiet spiss jitqiesu b'mod differenti mill-irġiel u min-nisa. Pereżempju l-irġiel għandhom tendenza li jevitaw jiddiskutu problemi fi ħdan ir-relazzjoni filwaqt li n-nisa jagħmlu ħilithom biex jiddiskutu sabiex isewwu r-relazzjoni. Il-problemi fir-relazzjonijiet spiss huma solvuti permezz ta' komunikazzjoni u diskussjoni tal-problemi. Għalhekk huwa rakkomandat li jintgħażel ħin u post xieraq għad-diskussjonijiet, sabiex wieħed jiffoka fuq il-problema aktar milli jiddevja u jħares lejn suġġetti oħrajn. Kull individwu għandu jingħata opportunitajiet indaqs biex jitkellem għaliex dan juri rispett lejn l-individwu. Wieħed mgħandux jagħti tort jew jwaħħal fl-individwu u t-tnejn għandhom jaqblu li ma jaqblux fuq ċerti deċiżjonijiet. Problemi sesswali fir-relazzjoni jistgħu jiġu solvuti bl-istess mod. Komunikazzjoni effettiva ttejjeb ir-relazzjoni. L-individwi għandhom ikunu kapaċi u lesti li jiżvelaw il-biżgħat tagħhom, problemi, xenqat u preferenzi. Il-partners għandhom ikunu jistgħu jesprimu l-esperjenzi pożittivi u negattivi waqt li jaqsmu l-valuri morali tagħhom. Permezz ta’ dan l-għaqda bejn il-koppja tista' ssir aktar b'saħħitha u stabbli. Hemm tendenza li xi relazzjonijiet jitkissru minkejja l-komunikazzjoni u l-isforz. Ir-raġunijiet jistgħu jvarjaw, bħal pereżempju gideb, infedeltà, żbilanċ ta’ enerġija, iżolamenti u għira eċċessiva. F'dak il-każ wieħed jista’ jirrifletti fuq dak li mar ħażin u jipprova ma jirrepetix dan f’relazzjonijiet futuri.