Transgeneru

Dan huwa differenti mill-orjentazzjoni sesswali (jiġifieri lejn liema ġeneru int attirat). Is-sess ta’ persuna huwa l-istat bijoloġiku u l-istat ta’ li tkun raġel jew mara, il-ġeneru ta’ persuna huwa l-attributi psikoloġiċi li huma abbinati ma’ dawn l-istati. Ċerti nies iħossu li twieldu fil-ġisem żbaljat, iħossu li huma ta’ ġeneru iżda jkollhom il-ġenitali tal-ġeneru l-ieħor. Il-ġeneru huwa parti kruċjali mill-identità tagħna; huwa l-ewwel tikketta li ningħataw meta nitwieldu, xi drabi anki qabel. “Għandna tifla! Għandna tifel!” Għalhekk id-diskrepanza li jista’ jkun hemm tikkawża ħafna dwejjaq u konfużjoni għall-persuna involuta u l-familja tagħha.

 

Xi persuni transġeneri jgħidu li kien ilhom jafu minn meta kienu tfal u li dejjem urew preferenza ovvja għal logħob, ħwejjeġ u attivitajiet tal-ġeneru l-ieħor. Jgħidu li dejjem ħassewhom aktar komdi ma’ membri tas-sess oppost. Xi drabi jista’ jirrealizza dwar dan aktar tard fil-ħajja.

 

Dawn il-persuni jridu jiġġieldu kontra l-idea li persuni oħra jarawhom bħala “raġel” jew “mara” meta huma jħossuhom differenti. Dan jista’ jwassal għal iżolament soċjali, ansjetà, depressjoni u problemi bid-dehra tagħhom. Ċerti persuni jagħżlu li jagħmlu riassenjazzjoni tal-ġeneru, li tirrikjedi kura medika u psikoloġika speċjalizzata. Il-kura tinvolvi l-ormoni u f’ċerti każijiet il-persuni jiddeċiedu li jagħmlu operazzjoni. Madankollu, qabel ma tiġi implimentata kwalunkwe kura, il-persuna trid tgħix fil-ġeneru magħżul tagħha għal tal-anqas sena. Huwa rakkomandat li tikkonsulta lit-tabib tiegħek li jista’ jinfurmak dwar servizzi li għandhom reputazzjoni tajba barra minn Malta. Huwa riskjuż li ssib kuntatti minn fuq l-internet. It-terapija psikoloġika hija meħtieġa għal tal-anqas sentejn.