Problemi Erettili

Id-diffikultajiet fit-tqanqil sesswali (pereżempju li jkollok erezzjoni) huma differenti minn libido mnaqqas, minħabba li fit-tieni każ il-persuna ma tkunx trid tinvolvi ruħha f’attivitajiet sesswali. Id-diffikultajiet erettili jistgħu jaffettwaw il-kapaċità ta’ raġel li jilħaq u jżomm erezzjoni. Huwa komuni li raġel jesperjenza diffikultajiet bħal dawn f’xi punt f’ħajtu u dan mhuwiex neċessarjament indikatur ta’ problema sottostanti. Madankollu, jekk din tippersisti, jeħtieġ li wieħed jieħu parir.

 

Xi rġiel jistgħu jqumu filgħodu b’erezzjoni iżda ma jkollhomx erezzjoni meta jimmasturbaw jew waqt l-att sesswali. Dan jista’ jkun indikattiv ta’ fatturi psikoloġiċi, bħall-ansjetà. L-ansjetà u d-dubji dwar jekk tkunx ħa tasal għal erezzjoni jistgħu jaggravaw is-sintomi.

Id-disfunzjoni erettili tista’ tirriżulta minn għadd ta’ kondizzjonijiet, jiġifieri d-dijabete, il-mard kardjovaskulari, pressjoni għolja tad-demm, kolesterol għoli, sklerożi multipla, il-marda ta’ Parkinson, puplesiji u żbilanċi fl-ormoni.

Id-disfunzjoni erettili tista’ tkun effett sekondarju ta’ għadd ta’ mediċini u kuri, inkluża mediċina kontra l-ipertensjoni (jiġifieri għal pressjoni għolja tad-demm), dijuretiċi (għal pressjoni għolja tad-demm, meta l-qalb ma tiffunzjonax sew u mard fil-kliewi), fibrati (għall-kolesterol), kimoterapija u anistamini (għall-allerġiji). F’każijiet bħal dawn, il-bżonn tal-mediċina għandu jiġi rivedut regolarment u jiġu kkunsidrati metodi oħra biex tiġi kkontrollata l-kondizzjoni. Meta dan ma jkunx possibbli, il-koppja tista tikkunsidra metodi alternattivi ta’ attivitajiet sesswali. Pereżempju, il-koppji jistgħu jużaw pompi tal-pene li huma apparat li jiffaċilita l-fluss tad-demm lejn il-pene, jew ċrieki tal-pene li jgħinu biex il-pene jibqa’ mqajjem.