In-Vitro Fertilisation (IVF)

F’każijiet fejn ma jkunx hemm rispons, il-possibbiltà ta' IVF tista’ tiġi kkunsidrata. IVF (fertilizzazzjoni in vitro) hija waħda mill-għażliet varji disponibbli li jagħtu lill-koppji bi problemi ta’ fertilità ċans li jkollhom tarbija. Matul il-proċess ta IVF, il-bajd jittieħed kirurġikament mill-ovarji tal-mara u dan imbagħad jiġi ffertilizzat f'laboratorju bi sperma. Dan il-bajd fertilizzat issa jissejjaħ embriju, u jitqiegħed fil-ġuf tal-mara sabiex jikber u jiżviluppa.

 

Sfortunatament, l-IVF mhux dejjem tirriżulta fi tqala, u f'xi każijiet tista' tirriżulta fi tqala multipla (tqala b’iktar minn embirju wieħed). Barra minn dan, huwa wkoll fiżikament, finanzjarjament u emozzjonalment eżiġenti. Il-koppji li qegħdin jikkunsidraw u dawk li jinsabu għaddejin minn IVF għandhom jattendu konsulenza.

 

Hemm ċerti linji gwida, li jirrestrinġu lil dawk li huma eliġibbli għall-IVF, u dawn jinkludu l-età tal-mara. L-IVF mhuwiex rakkomandat għan-nisa fl-erbgħinijiet, għalkemm dan jiddependi fuq is-saħħa tal-mara, minħabba li l-probabbiltà ta' suċċess ta’ tqala mhumiex daqsekk inkoraġġanti. Nisa ta’ età iżgħar għandhom probabbiltà akbar li jkollhom bajd b'saħħithom, u b'hekk jiżdiedu l-possibbiltajiet ta’ suċċess.

 

L-IVF tista' twassal għal xi kumplikazzjonijiet fl-omm u t-tarbija fil-ġuf. Hemm riskju akbar ta' trabi li jitwieldu mejtin, imutu ta’ età żgħira jew diżabilità. Hemm ukoll ċans akbar ta’ korriment tard, pressjoni għolja u pre-eclampsia fl-omm.

 

Il-leġiżlazzjoni f'Malta li tikkontrolla protokolli għal riċeviment tat-trattament tal-IVF f'Malta issa teżisti u tisssejjaħ l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni. Skont dan l-att, dawn li ġejjin jitqiesu bħala reati:

 

(a) il-fertilizzazzjoni b’mod artifiċjali ta’ ċelluli tal-bajd għal kwalunkwe skop ieħor ħlief it-tqala tal-mara li minnha oriġinat ċ-ċellula;

 

(b) il-fertilizzazzjoni volontarja ta’ aktar minn żewġ ċelluli tal-bajd minn mara waħda fi ħdan ċiklu wieħed ta' trattament:

(c) in-nuqqas li jiġu ttrasferiti l-embrijuni kollha mnissla fil-mara f'ċiklu wieħed ta' kura

(d) it-tneħħi tal-embriju minn mara qabel it-tlestija tal-impjantazzjoni fil-ġuf sabiex jiġi ttrasferit l-embriju lil mara oħra;

(e) l-għażla jew ir-rimi tal-embriju għal skopijiet ewġeniċi; it-twettiq ta’ fertilizzazzjoni artifiċjali ta', jew it-trasferiment ta’ embriju uman f’mara li hija lesta biex tagħti t-tarbija tagħha b'mod permanenti wara t-twelid (omm surrogata),

 

L-infertilità tista' ġġib problemi sesswali oħra.

 

Fl-irġiel, dawn jinkludu:

 

                        Telf ta’ xenqa sesswali, bi tnaqqis konsegwenti fl-attività sesswali

 

            Disfunzjoni erettili

 

            Eġakulazzjoni prematura

 

            Diffikultà fl-eġakulazzjoni

 

 

 

Fin-nisa, dawn jinkludu:

 

            Telf ta' xenqa sesswali

 

            Uġigħ matul is-sess

 

            Anorgasmia (diffikultà sabiex ikollhom orgażmu)

 

Koppji għaddejjin minn trattament għall-infertilità li jkunu qegħdin jipprovaw għal tqala jnaqqsu fl-ispontanjetà u l-pjaċir tas-sess għaliex iħossuhom pjuttost anzjużi dwar il-ħtieġa tas-sess. Il-koppji għandhom ikunu onesti ma' xulxin kif ukoll mat-tabib jew psikoloku tagħhom dwar l-esperjenza tagħhom sabiex ikunu jistgħu jissuġġerixxu modi biex jittrattaw dawn id-diffikultajiet. Il-konsulenza għandha tgħin ukoll lill-koppji jindirizzaw l-impatt tad-diffikultajiet fit-tnissil (bħal sentimenti ta' mistħija, li jiddiżappuntaw lil xulxin u lill-familja, biża’ li ma jkollhomx tfal), u l-effett li dan ikollu fuq ir-relazzjoni.