L-Iġene personali

 L-IRĠIEL:

 

L-irġiel jeħtieġ li jnaddfu l-pene tagħhom billi jibdew bir-ras tal-pene. Jekk ma jkunux ċirkonċiżi, għandhom jiġbdu l-prepuzju lura kemm jista’ jkun possibbli mingħajr ma jkunu skomdi. Il-prepuzju miġbud lura jesponi l-glans, li għandha titnaddaf ġentilment bl-ilma fietel. Żgura li l-glans u l-parti ta’ ġewwa tal-prepuzju jkunu nodfa peress li hawnhekk tifforma sustanza bajda msejħa smegma. L-ismegma tifforma minn ċelloli mejtin, żjut, fluwidi tal-ġisem u batterji. Il-preżenza ta’ din is-sustanza tista’ tikkawża infezzjonijiet u rwejjaħ spjaċevoli. L-irġiel ċirkonċiżi wkoll jeħtieġ li jżommu l-iġjene peress li fin-nuqqas tal-prepuzju, ir-ras tal-pene tista’ tiġi f’kuntatt dirett mal-għaraq u l-batterja. Huwa importanti li l-ġenitali jitnaddfu qabel u wara l-attivitajiet sesswali biex jiġu evitati l-infezzjonijiet.

 

IN-NISA:

 

Mara jeħtieġ li tnaddaf il-partijiet ġenitali tagħha ta’ barra u l-anus jekk tkun tipprattika s-sess anali. It-tindif tal-ġenitali jeħtieġ li jsir biex jiġu prevenuti l-infezzjonijiet bil-ħmira kif ukoll l-irwejjaħ spjaċevoli. Għal darba oħra, ma nistgħux nenfasizzaw biżżejjed l-importanza tat-tindif tal-ġenitali qabel u wara s-sess biex jiġu prevenuti l-infezzjonijiet. Tesaġerax billi tgħarraq il-vaġina bl-ilma jew billi titlaħlaħ b’likwidi li jkollhom ir-riħa, billi dan jaffettwa l-bilanċ tal-pH tal-vaġina u b’hekk issir suxxettibbli għall-infezzjonijiet.

Waqt il-period, it-tampons u l-pads sanitarji għandhom jinbidlu bejn kull tliet sigħat sa sitta skont il-fluss mestrwali. Jekk dawn idumu ma jinbidlu, il-batterja tista’ tikber u din tikkawża rwejjaħ jintnu u infezzjonijiet.

Ċerti nisa jagħżlu li jużaw douche (jiġifieri jużaw apparat li jitfa’ l-ilma jew il-bethadine fil-vaġina) biex ineħħu t-tnixxijat vaġinali. Dan ineħħi l-batterja t-tajba li hija neċessarja biex jinżamm pH ibbilanċjat fil-vaġina u li tipprevjeni wkoll l-infezzjonijiet. Id-douching jippredisponi wkoll lin-nisa għal aktar infezzjonijiet bħall-Vaġinożi batterika.

Is-sindromu tax-xokk tossiku jiġi kkawżat minn ħjut tal-batterja Staphylococcus. Dawn jiġu kkawżati minn fatturi bħall-użu frekwenti tat-tampons (it-tampons ma għandhomx jintlibsu għal aktar minn sitt sigħat kuljum), il-menstrwazzjoni, operazzjoni kirurġika jew it-twelid reċenti ta’ tarbija. Għalkemm m’hemmx test għalih, dan jiġi ddijanjostikat permezz tas-sintomi tad-deni, ta’ pressjoni tad-demm baxxa, problemi f’tal-anqas tliet organi u raxx li jdum sa ġimagħtejn. Sintomi oħrajn jistgħu jinkludu d-dijarea, uġigħ ta’ ras, dehxiet ta’ bard, nawsja, uġigħ fil-muskoli, għajnejn u griżmejn ħomor u f’ċerti każijiet attakki ta’ puplesija.

Ħwejjeġ u ħwejjeġ ta’ taħt imxarrbin bl-għaraq wara l-eżerċizzju għandhom jinbidlu malajr. Dawn jippreżentaw riskju għalik minħabba li l-batterja u l-ħmira jikbru fl-għaraq u mhux diffiċli li tlaqqat infezzjoni fil-kanal tal-awrina jew infezzjoni tal-ħmira. L-għaraq u t-trab jistgħu jibblukkaw il-pori tal-ġilda madwar iż-żona privata tiegħek u jikkawżaw follicullitus, li huma follikoli tax-xagħar infjammati u infettati.

Qatt ma għandek iżżomm l-awrina speċjalment qabel is-sess. L-awrina tneħħi mill-borża tal-awrina l-batterja u t-tossini li jgħixu fil-kanal tal-awrina tiegħek. Jekk toqgħod iżżomm l-awrina tkun qed tagħti ċans lill-batterja timmultiplika u dan iwassal għall-infezzjonijiet. Borża tal-awrina mimlija tippreżenta riskju għall-uretra tiegħek li tiġi infettata mill-vaġina jew mill-pene tal-partner tiegħek.

Ma għandekx tagħmel sess orali jekk wieħed mill-partners ikollu l-feriti f’ħalqu jew qrib il-ġenitali billi dawn jistgħu jwasslu għal infezzjonijiet.

Tilbisx ħwejjeġ ta’ taħt jew jeans issikkati għal tul ta’ żmien għax dawn jaqbdu l-għaraq u jattiraw il-multiplikazzjoni tal-batterja. Agħżel fibri naturali bħall-qoton flok fibri sintetiċi għall-ħwejjeġ li jmissu mal-ġilda.