Pornografija

Il-pornografija tista’ tkun ta’ ħsara għat-tfal u ż-żgħażagħ, peress li tista’ tippreżenta aspettativi mhux realistiċi fir-rigward tas-sesswalità, in-nisa u s-sbuħija. Il-pornografija tista’ twassal biex in-nisa jiġu trattati bħala oġġett, meta mara titneħħilha l-personalità tagħha u jibqalha ġisimha biss din issir sempliċement pjaċir sesswali. 

Fid-dinja tal-lum huwa tassew diffiċli li tipproteġi lil uliedek mill-pornografija. Il-pornografija ma għadhiex ristretta għall-ixkaffa ta’ fuq nett fil-ħanut għal min għandu ’l fuq minn tmintax hekk kif bl-internet jista’ jkollok aċċess għaliha kullimkien.

Il-ġenituri jiġu f’dilemma meta jaqbdu lil uliedhom jaraw il-pornografija.Ġenitur ma għandux jikkastiga lit-tfal jekk jaqbadhom jaraw il-pornografija, peress li dan jista’ jagħti l-messaġġ li x-xewqat sesswali u l-kurżità sesswali huma ħżiena. Wieħed ma għandux jitkellem dwar il-pornografija bħallikieku ma teżistix, iżda għandu jipprova jibni idea sana tas-sess u jispjega li huwa normali li wieħed ikun jixtieq jara stampi u vidjows sesswali, iżda li dawn ma jagħtux stampa reali.

Il-pornografija tista’ ssir vizzju, fejn min jaraha jkollu bżonn jara aktar stampi jew tipi ta’ stampi differenti biex jitqanqal bl-istess mod u jikseb pjaċir sesswali. Forsi mod kif wieħed jista’ jevita l-użu skorrett tagħha huwa bil-monitoraġġ tal-użu tal-internet. Xi ftit libertà u privatezza ma jagħmlux ħażin, iżda wieħed jista’ juża ċertu softwer biex jiġi bblukkat l-aċċess għal siti pornografiċi. Sfortunatament, anki dan xi drabi ma jkunx biżżejjed, minħabba li ċerti pop-ups jitilgħu anki meta ma tkunx qed tfittixhom.