Gonorrhoea

 

Il-gonorrea hija infezzjoni batterika li tiġi trażmessa minn persuna għal oħra waqt is-sess orali, anali jew vaġinali. Il-gonorrea tista’ tinfetta l-uretra, il-ħalq, l-għajnejn, il-griżmejn u l-anus, kif ukoll l-għonq tal-utru u t-tubi fallopjani fin-nisa. Ġeneralment is-sintomi tal-gonorrea jibdew jidhru fi żmien 5-8 ijiem, speċjalment fl-irġiel fejn tibda toħroġ tnixxija kbira ħadra fl-isfar mill-pene flimkien ma’ uġigħ fit-testikoli, uġigħ mal-awrina, urġenza biex tagħmel l-awrina u ħmura fir-ras tal-pene. Fin-nisa din tista’ tkun asintomatika iżda tista’ tikkawża l-infjammazzjoni tal-uretra u l-għonq tal-utru li twassal għal tnixxija ħadra fl-isfar, uġigħ fil-parti ta’ isfel tal-addome, uġigħ meta tagħmel l-awrina, dmija bejn il-periods u wara s-sess.

 

Il-gonorrea tista’ tinfirex fil-fluss tad-demm u tikkawża uġigħ fil-ġogi, raxx u deni.

 

It-test jinvolvi t-teħid ta’ kampjuni mill-griżmejn, l-uretra, l-għonq tal-utru u mir-rektum. Jekk it-test jirriżulta pożittiv, il-partners sesswali kollha ta’ qabel għandhom jiġu infurmati. L-irġiel li jkollhom is-sintomi għandhom jinfurmaw lill-partners tagħhom tal-aħħar ġimagħtejn, filwaqt li l-irġiel asintomatiċi u n-nisa kollha għandhom jinfurmaw lill-partners tal-aħħar 3 xhur jew l-aħħar partner li kellhom jekk kien aktar kmieni.

 

Il-gonorrea waqt it-tqala tista’ tikkawża korriment jew ħlas qabel iż-żmien. Waqt il-ħlas it-tarbija tista’ tlaqqat infezzjoni fl-għajnejn u l-għajn tibda tnixxi. Jekk l-infezzjoni ma tiġix kkurata, jistgħu jitilgħu l-ulċeri u t-tarbija tista’ tagħma. Minħabba li l-gonorrea tista’ ma tkunx akkumpanjata minn sintomi waqt it-tqala, huwa importanti li n-nisa tqal jiġu skrinjati għall-gonorrea u l-klamidja minħabba li dawn jistgħu jkunu preżenti simultanjament

 

 

Dehra tal-Gonorrea taht il-mikroskopju 

 

 gonorrea