Marda Infjammatorja taż-zaqq

Il-PID hija ddefinita bħala infezzjoni tal-utru (il-ġuf), tat-tubi fallopjani u/jew tal-ovarji.

 

L-aktar kawżi komuni jinkludu l-infezzjoni bil-gonorrea u l-klamidja, liema żewġ mardiet jiġu trażmessi sesswalment. Madankollu, mhux il-każijiet kollha jiġu trażmessi sesswalment. Il-perjodu wara t-twelid, il-korrimenti u kontraċettivi li jiddaħħlu fl-utru kollha jistgħu jikkawżaw il-PID. Huwa aktar komuni li nisa iżgħar u żgħażagħ bejn it-13 u d-19-il sena jiġu affettwati. In-nisa li jkollhom ħafna sħab jew li l-partner tagħhom ikollu diversi sħab sesswali jkunu f’riskju akbar. Il-pazjenti li jsofru mill-PID jista’ ma jkollhomx sintomi. Madankollu, is-sintomi jistgħu jinkludu:

 

· uġigħ waqt is-sess

 

· uġigħ fil-pelvi u fil-parti t’isfel tal-addome

 

· dmija bejn il-periods u waqt is-sess

 

· bidliet fit-tnixxijat vaġinali

 

· deni u rimettar

 

Il-PID tista’ tikkawża l-endometrite (jiġifieri l-infjammazzjoni u l-infezzjoni tal-endometriju), is-salpingite (l-infezzjoni u l-infjammazzjoni tat-tubi fallopjani), il-parametrite (l-infjammazzjoni u l-infezzjoni tat-tessut madwar il-ġuf), l-ooforite (l-infjammazzjoni u l-infezzjoni tal-ovarji), il-peritonite tal-pelvi (l-infjammazzjoni u l-infezzjoni tal-peritonew) u axxess fl-ovarji jew fit-tubu fallopjan. Id-dijanjożi tal-PID tiddependi fuq għadd ta’ sintomi u ħafna testijiet inkluż eżami permezz tal-ultra-sound u l-laparoskopija. Il-kumplikazzjonijiet tal-PID jinkludu l-infertilità, it-tqala ektopika u l-emorraġija. Il-PID tista’ tiġi kkurata bi tliet korsijiet ta’ antibijotiċi li tulhom il-kuntatt sesswali għandu jiġi evitat. Il-partners kurrenti tal-pazjent għandhom jiġu riferuti għat-testijiet għall-SAIs jekk il-PID tkun ġiet ikkawżata minn STI.