Skabbja

L-iskabbja hija raxx li jikkawża ħakk tremend, ikkawżat minn tip ta’ araknidi (mites) li jħaffru fil-ġilda. Din tiġi trażmessa permezz ta’ kuntatt ta’ ġilda ma’ ġilda jew kuntatt sesswali. B’mod anqas komuni tiġi trażmessa meta tuża l-ħwejjeġ jew il-lożor u l-kutri ta’ ħaddieħor. L-iskabbja ġeneralment tinfetta l-partijiet sħan tal-ġisem, bħat-tinjiet tal-ġilda, bejn is-swaba’, id-dwiefer u l-inħawi tal-ġenitali. Din tiġi kkurata bl-applikazzjoni tal-krema permethrin u l-lozzjoni malathion biex titnaddaf u tiġi xxuttata l-ġilda. Il-kura għandhaterġa’ tiġi applikata wara 7 ijiem, biex jiġi żgurat li l-araknidi li setgħu faqqsu jinqatlu. M’hemmx għalfejn taħraq il-ħwejjeġ, l-imtieraħ jew il-bjankerija iżda dawn għandhom jinħaslu b’ċiklu misħun jew jitħallew fix-xemx f’borża sewda għal tal-anqas 3 ijiem.

Il-kuntatti mill-qrib (inklużi l-persuni li jgħixu mal-persuna u l-partners sesswali) għandhom jieħdu l-kura, anki jekk ma jesperjenzawx is-sintomi.