Menopawża

Mill-kelma Griega Men – xahar pausis – waqfa. Il-menopawża hija tmiem il-perjodu fertili tal-mara u hija meta l-mara ma jkollhiex aktar il-period għal sena minħabba ebda raġuni medika oħra. Dan l-istadju huwa parti naturali mit-tixjiħ u jseħħ meta persuna tagħlaq ħamsin jew ftit aktar. Il-menopawża tirriżulta minn bidliet fis-sistema riproduttiva u tal-ormoni.

Ġeneralment qabel il-menopawża l-mara jkollha periods irregolari, u tesperjenza sintomi oħra bħal fwawar, għaraq, palpitazzjonijiet, insomnja, tbati mill-burdati, uġigħ ta’ ras, memorja mnaqqsa, vaġina xotta u disfunzjoni sesswali, problemi bl-awrina, depressjoni u irritabbiltà. Hemm tendenza li s-sintomi jbattu f’sena.

Minħabba provvista ta’ bajd qadim iċ-ċikli jkunu anqas ovulatorji u jkun hemm aktar flutwazzjonijiet tal-ormoni li jikkawżaw is-sinjali u s-sintomi. Meta l-livelli ta’ ormoni jonqsu, iċ-ċiklu mestrwali jieqaf. Menopawża bikrija tista’ sseħħ jekk l-ovarji jkunu tneħħew kirurġikament jew jekk mara tkun ħadet ir-radjuterapija jew il-kimoterapija.

Bil-menopawża jiżdied ukoll ir-riskju tal-osteoporożi (jirqaq l-għadam) u r-riskju tal-mard fil-qalb jirdoppja. Għaldaqstant, huwa kruċjali li jkollok stil ta’ ħajja bbilanċjat.

Jekk ikollok is-sintomi, tista’ tieħu kura iżda dan għandu għadd ta’ effetti sekondarji possibbli. Tista’ tittieħed it-Terapija tas-Sostituzzjoni tal-Ormoni (HRT) kemm topikament kif ukoll oralment, iżda din hija assoċjata ma’ riskju miżjud ta’ kanċer fis-sider, trombożi fil-vini li jkunu ’l ġewwa u mard fil-marrara. Għalhekk din it-terapija għandha tintuża biss għal perjodu qasir ta’ żmien bħala solljev mis-sintomi tal-menopawża jew f’każijiet ta’ menopawża. Il-benefiċċji tal-HRT jinkludu densità miżjuda tal-għadam u riskju mnaqqas tal-kanċer kolorettali (tal-imsaren). Teżisti kura speċifika għall-osteoporożi.