Nuqqas ta' Xewqa Sesswali

Hija ħaġa tipika li f’xi stadju ta’ ħajjitha persuna tesperjenza nuqqas ta' xewqa sesswali. Din timmanifesta ruħha f’interess imnaqqas fis-sess, anqas involviment f’attivitajiet sesswali, u anqas fantasiji sesswali. Dan jista’ jkun kroniku (għal żmien twil) jew f’episodji. Jista’ jkun ikkawżat minn bidla fil-livelli tal-ormoni, iżda jista’ jkun parti minn kondizzjoni sottostanti, bħad-depressjoni, jew jiġi kkawżat minħabba problema sesswali oħra bħad-dyspareunia. F’dan il-każ, il-mara titlef l-interess fis-sess minħabba l-uġigħ li jkollha tissaporti waqt l-att sesswali.

 

Għalkemm huwa pjuttost komuni, in-nuqqas ta’ aptit jista’ jindika problemi fir-relazzjoni f’ċerti każijiet, diffikultajiet relatati ma’ kif tidher, stima tiegħek innifsek baxxa, konsum eċċessiv tal-alkoħol u ansjetà.

 

L-ewwel nett, huwa importanti li tkun onest u titkellem b’mod miftuħ mal-partner/a tiegħek dwar is-sitwazzjoni, u jista’ jkun li tkun tixtieq tfittex appoġġ mediku u psikoloġiku. Il-kura tiddependi fuq il-kawża; għaldaqstant huwa importanti li tistabbilixxi għaliex ġrat din il-problema u għaliex għadha tippersisti. L-aptit imnaqqas jista’ jkun minħabba diversi fatturi, aktar milli minħabba fattur uniku. Il-kwistjonijiet mediċi għandhom jiġu esklużi u l-koppji għandhom ikunu lesti li jeżaminaw ir-relazzjoni tagħhom u jirrikorru għat-terapija tal-koppji. It-terapija tal-koppji tinvolvi ħarsa lejn l-istorja tar-relazzjoni u d-dinamika attwali tagħha, bl-għan li kull parti tal-koppja tifhem lilha nnifisha aħjar u tifhem lill-parti l-oħra wkoll u tara x’bidliet jistgħu jiġu implimentati.