Uġigħ waqt is-sess

L-uġigħ waqt is-sess jista’ jkun konsegwenza ta’ għadd ta’ kondizzjonijiet differenti, bħal infezzjonijiet, l-endometrijożi, il-menopawża, il-PID, it-twelid jew ferita. Ħafna nisa jgħidu li minħabba esperjenza preċedenti ta’ uġigħ waqt is-sess, huma jibdew jaħsbu li d-darba li jmiss tkun l-istess. Dan fih innifsu jista’ jiggrava l-affarijiet minħabba li din l-ansjetà tista’ tikkawża li l-muskoli vaġinali jinġibdu involontarjament u b’hekk il-penetrazzjoni ssir aktar diffiċli u tikkawża aktar uġigħ.

 

Suġġerimenti:

 

Fir-rigward tan-natura tal-uġigħ: meta jew fejn tħoss l-uġigħ? Jinħass qrib id-daħla vaġinali meta ssir il-penetrazzjoni jew inkella jinħass xi mkien aktar ’il ġewwa? Ikollha weġgħat addominali oħrajn? Tesperjenza uġigħ ma’ kull att sesswali jew le? Jekk le, xi jkun sar differenti?

 

Hemm sintomi oħra? Dawn jistgħu jindikaw infezzjoni jew patoloġiji oħrajn.

 

Kellha ħlas trawmatiku? Kellha tiċrita jew qatgħa fil-perinew (episiotomy)? Hemm kwistjonijiet oħra bħall-biża’ mill-penetrazzjoni?

 

Tqanqil qabel l-att innifsu u prattiki sesswali mhux penetrattivi – Hija mqanqla u llubrikata biżżejjed? Laħqet l-orgażmu?

 

Relazzjonijiet: Ir-relazzjoni tagħha mal-partner tagħha nbidlet b’xi mod? Int tieħu pjaċir daqs il-partner tiegħek? Huma maħbubin jew hi aktar ikkonċernata dwar l-attività sesswali li tikkawża l-uġigħ jew il-fehmiet tal-partner tagħha?

 

Kif tħossha dwar il-fatt li se ssir omm? Din it-tqala kienet prevista? It-tarbija għadha torqod fil-kamra tas-sodda tal-ġenituri? Qed tintuża l-kontraċezzjoni? Tafda l-metodu użat? Qed tredda’? Idejjaqha l-fatt li qed tredda’?

 

X’jista’ jsir?

 

Għandu jsir eżami tal-addome u tal-vaġina biex tiġi stabbilita l-kawża. Jekk hemm kawżi psikoloġiċi marbutin ma’ punt partikolari fil-ħajja, pereżempju t-twelid ta’ tarbija għandu jiġi kkonsultat konsulent. Jekk ikun hemm diffikultajiet fir-relazzjoni, tista’ tiġi ssuġġerita t-terapija ma’ konsulent biex jiġi inkoraġġit li l-koppja tiddiskuti aktar biex tinstab soluzzjoni aħjar għall-problema. Jista’ jiġi inkoraġġit programm biex il-vaġina ma tibqax daqstant sensittiva għall-penetrazzjoni. Il-mara tiġi inkoraġġita ddaħħal saba’, imbagħad tnejn u eventwalment tlieta fil-vaġina tagħha filwaqt li tirrilassa l-muskoli ta’ isfel tal-vaġina. Dan il-metodu jista’ jgħin fil-każ tad-dyspareunia u l-vaġiniżmu. Jekk il-problema psikosesswali tippersisti, jista’ jiġi kkonsultat terapista psikosesswali flimkien mal-partner.

 

 Il-Vulvodynia

 

Il-vulvodynia huwa uġigħ kroniku madwar il-fetħa tal-vaġina (il-vulva) li għalih m’hemmx kawża identifikabbli. Tista’ tesperjenza wġigħ, ħruq jew irritazzjoni. Il-vulvodynia tista’ toħloq skumdità waqt is-sess u anki tagħmel is-sess impossibbli xi kultant. Il-weġgħa tista’ tkun spontanja jew tista’ tirriżulta minħabba l-mess. Il-kondizzjoni tista’ tippersisti jekk ma tiġix ikkurata.

In-nisa bejn l-20 u s-60 sena jistgħu jesperjenzaw din il-kondizzjoni, iżda ġeneralment titfaċċa f’nisa iżgħar. Għalkemm m’hemmx kawża magħrufa, ċerti nisa jsibu solljev fil-konsulenza u fl-appoġġ tal-partner/a tagħhom. Jistgħu jintużaw metodi oħra bħat-tekniki ta’ rilassament, fiżjoterapija u mediċina bħal-loppju lokali, kremi tal-estroġenu topiċi, antidepressanti, antikonvulżanti u mediċini li jibblukkaw in-nervituri.