Sess vaġinali

Għal ħafna min-nies, l-“att sesswali” jfisser sess vaġinali, l-inseriment tal-pene fil-vaġina. L-ewwel esperjenza ta’ sess vaġinali tista’ tkun waħda kemxejn skomda għan-nisa, meta l-imene (hymen) jiġġebbed jew jiċċarrat iżda l-esperjenza ssir aktar pjaċevoli wara l-ewwel darba. Huwa normali għal ċerti nisa li jaraw xi ftit demm l-ewwel darba li jkunu sesswalment attivi, iżda jekk ikomplu jaraw id-demm għandhom jieħdu parir mediku. Xi drabi, il-mara tista’ tħoss xi ftit skumdità jekk il-vaġina ma tkunx illubrikata sew, għalhekk l-użu ta’ lubrikant b’bażi tal-ilma jista’ jkun utli. Din l-iskumdità tista’ tfisser ukoll li l-partner tiegħek ikun qed jgħaġġel iżżejjed jew li jeħtieġ li l-affarijiet jimxu aktar bil-mod, jista’ jkun il-każ ukoll li tipprova pożizzjoni differenti li tkun aktar komda.

 

Waqt l-att sesswali, il-muskoli tal-vaġina jiġġebdu biex jakkomodaw il-pene u mara jista’ jkollha orgażmu jekk il-klitoris tiġi stimulata, iżda jista’ jkun li ma tesperjenzax orgażmu kull darba. Minn xi stħarriġ li sar jirriżulta li ftit nisa jorgażmaw kull darba li jagħmlu l-att sesswali (Leiblum, 2007) . Hekk kif il-mara titqanqal sesswalment aktar, id-demm ikompli nieżel lejn in-naħa tal-pelvi, in-nifs jitqal, il-qalb tibda tħabbat b’rata aktar mgħaġġla, l-irjus tas-sider iqumu, u l-parti t’isfel tal-vaġina tidjieq sabiex taqbad il-pene filwaqt li l-parti ta’ fuq tespandi. Fil-muskoli u n-nervituri tal-ġenitali, il-pelvi, il-warrani u l-koxox tibda tinbena tensjoni li mbagħad tiġi rrilaxxata involontarjament f’serje ta’ mewġ.

 

Is-sess vaġinali jista’ jwassal għal tqala u Infezzjonijiet li Jittieħdu Sesswalment, anki jekk tkun l-ewwel darba.