Tiddejjaqx tgħid le

M’għandekx tħossok skomdu biex tgħid LE għas-sess/jew bews, tbagħbis jew attività sesswali ieħor. Għandek dritt li tgħid le għal kull ħaġa li inti mhux lest li tagħmel. Ukoll jekk għamilt is-sess qabel, ma jfissirx li trid terġa’ tagħmel is-sess. Dejjem jiddependi minnek.  Ipprova tkellem iżjed fir-relazzjoni tiegħek ħalli inti u s-sieħeb/sieħba tiegħek titgħallmu iżjed dwar dwar l-ideat ta’ xulxin, opinjonijiet u dwar kif tħossukom.

 

 Dawn huma ftit ideat ta’ kif tista’ tgħid LE b’mod pulit u xorta twassal l-ideat tiegħek: 

 

Sieħeb/Sieħba: Jekk tħobbni għandek tagħmel is-sess!

Tweġiba: Jekk tħobbni għandek tirrispetta kif inħossni!

 

Sieħeb/Sieħba: Ħbiebi diġà għamlu s-sess!

Tweġiba: Kieku nixtieq nistenna sakemm it-tnejn li aħna u nkunu lesti jew Imissek aktar tagħti kas għal kif inħossni milli x’jagħmlu ħbiebek! 

 

Sieħeb/Sieħba: M’intix kbir/a biżżejjed biex tagħmel is-sess?

Tweġiba: Li jkollok (numru tal-età) ma jfissirx li jien lest/a biex nagħmel is-sess. Nagħmel is-sess meta nkun lest/a.

 

Sieħeb/Sieħba: M’għandniex bżonn nużaw kondom!

Tweġiba: Ma nixtieqx inlaqqat xi infezzjoni jew noħroġ tqila.

 

Huwa dmir tiegħek li tieħu ħsieb ġismek. Li titlef il-verġinità tiegħek huwa differenti milli titlef iċ-ċwievet, ladarba tagħmel l-ewwel att sesswali ma tistax tbiddel id-deċiżjoni, għalhekk trid tkun żgur minn kif tkun qed tħossok minn qabel. Importanti wkoll li tuża l-protezzjoni. L-istorja sesswali tal-partner/a tiegħek tafha? Hemm riskju li hu jew hi għandu/ha SAI? Taf x’metodu ta’ kontraċezzjoni se tuża? Taf tużah? Jekk m’intix ċert dwar is-sess jew għandek xi dubji, probabbilment għadek m’intix lest għalih. Kulħadd jgħaddi minn perjodu ta’ inċertezza dwar jekk iż-żmien u r-relazzjoni humiex tajbin u hija ħaġa normali li tħossok konfuż. Għandek tkellem lil-partner/a tiegħek, kif ukoll tfittex pariri dwar il-kontraċezzjoni biex tipproteġi lilek innifsek mill-infezzjonijiet u tikkunsidra kif int u l-partner/a tiegħek se tħossukom wara.

 

Xi żgħażagħ jispiċċaw jagħmlu s-sess għax jaħsbu li sħabhom kollha huma sesswalment attivi. Tista’ tħossok eskluż jew immatur jekk ikun għadek m’intix sesswalment attiv. Imma tippreferi torqod mal-persuna l-ħażina minflok tistenna? Fl-aħħar mill-aħħar, sħabek se jirrispettawk talli jkollok il-kuraġġ tagħmel dak li temmen fih. Jekk tinsab inkwetat li tispiċċa tagħmel bħal ma jagħmlu sħabek jew dak li j/tgħidlek il-partner/a tiegħek, ikkunsidra li titkellem ma’ xi ħadd li tafda. Ftakar, li x’aktarx din il-persuna tkun għaddiet minn sitwazzjoni simili. Barra minn hekk, meta titkellem dwarha jista’ jkollok perspettiva aħjar ta’ dak li huwa tajjeb għalik.

 

Li titlef il-verġinità tiegħek jew li jkollok x’taqsam ma’ xi ħadd għall-ewwel darba huma deċiżjonijiet kbar. Teżisti l-idea żbaljata li n-nisa biss jistgħu jitilfu l-verġinità tagħhom. Storikament dan kien jirreferi għat-tiċrit tal-imene waqt l-att sesswali (għalkemm dan mhux dejjem jiġri). Madankollu, illum il-ġurnata li tkun verġni jfisser li qatt ma kellek esperjenza ta’ sess penetrattiv qabel, u dan japplika kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel. Għalkemm waqt l-ewwel esperjenza sesswali n-nisa jistgħu jħossu xi wġigħ, dan ma japplikax għal ħafna mill-irġiel. Jekk tkun qed tħoss xi skumdità, għid lil-partner/a u ppruvaw pożizzjoni ġdida. Madankollu, ħafna min-nies iħossu sens ta’ mistħija l-ewwel darba u jħossuhom skomdi u mbeżżgħin. Li titkellem dwar is-sess qabel, jgħinek tħossok aktar komdu mal-partner/a tiegħek.