Sifilide

Main menu

    X'inhi s-sifilide?
    Is-sifilide hija infezzjoni trażmessa sesswalment ikkawżata mill-batterju Treponema pallidum.

    Kulħadd jista' jaqbdu s-sifilide u ħafna nies li għandhom is-sifilide mhumiex konxji li huma infettati. Jista' jkollok is-sifilide u ma tinduna bl-ebda sintomu.

    Is-sifilide tista' tiġi ttrattata u kkurata. Jekk ma tingħatax kura għas-sifilide, dan jista' jwassal għal problemi serji ta' saħħa.

    Kif teħodha s-sifilide?
    Is-sifilide tista' tiġi trażmessa permezz ta' sess vaġinali, anali u orali mhux protett minn partner mhux ittrattat jew partner ġdid li jkun infettat. Nisa tqal jistgħu jgħadduha lit-tarbija tagħhom, anki jekk ma ma jkunux jafu li ġew infettati. Jekk kellek is-sifilide qabel, xorta tista' terġa' tiġi infettat/a.

    X'inhuma s-sintomi tas-sifilide?
    Is-sintomi tas-sifilide huma l-istess f'kull persuna. Is-sifilide għandha erba' stadji: primarju, sekondarju, latenti u terzjarju.

    Il-perjodu ta' inkubazzjoni huwa l-perjodu bejn meta l-persuna tkun ġiet esposta għall-organiżmu, f'dan il-każ il-batterju, u l-bidu ta' sinjali u/jew sintomi.

     

     


    L-istadju Primarju
    Sinjali u Sintomi: Ulċera mingħajr uġigħ, Linfadenopatija reġjonali.
    Perjodu ta' Inkubazzjoni: 3–6 ġimgħat (saħansitra sa 3 xhur).

    L-istadju Sekondarju
    Sinjali u Sintomi: Raxx aħmar/kannella fuq wiċċ l-idejn u l-qiegħ tas-saqajn, Linfadenopatija, Dbabar bojod fil-ħalq, Deni, Uġigħ ta' ras, deni, uġigħ fil-griżmejn, Tħoss għeja mhux tas-soltu, Irqajja' ta' xagħar li jaqa' (alopeċja).
    Perjodu ta' Inkubazzjoni: 4 – 10 ġimgħat.

    L-istadju Latenti
    Sinjali u Sintomi: L-ebda sintomu.
    Perjodu ta' Inkubazzjoni: Kmieni: inqas minn sena, Tard: aktar minn sena.

    L-istadju Terzjarju
    Sinjali u Sintomi: Anki jekk ma jkun hemm l-ebda sintomu, f'dan l-istadju s-sistema nervuża, il-moħħ, l-għadam jew il-qalb huma affettwati serjament.

     

     


    Nista' niġi ttestjat/a?
    Iva. It-tabib jista' jieħu swab tal-ulċera jew test tad-demm.

    Għandi bżonn niġi ttestjat/a?

    • Jekk għandek xi wieħed mis-sinjali u/jew sintomi ta' hawn fuq.
    • Jekk kellek jew ikollok sess vaġinali, anali jew orali mhux protett.
    • Jekk ikollok sess mhux protett ma' aktar minn partner wieħed.
    • Jekk ikollok ulċera li tista' tkun kkawżata mis-sifilide, hemm bżonn ta' swab biex tinduna biha. Ikun meħtieġ ukoll test tad-demm. Tintalab tiġi ttestjat/a mill-ġdid anke wara d-dijanjożi u t-trattament biex tiċċekkja li tkun irkuprajt għal kollox.


    X'inhu t-trattament għas-sifilide?
    Huwa importanti li tirċievi l-kura malajr kemm jista' jkun. L-infezzjoni tista' tikkawża problemi serji tas-saħħa u kumplikazzjonijiet jekk tibqa' mhux ikkurata. Is-sifilide tiġi ttratata u kkurata bl-antibijotiċi.

    Għandi jkolli sess jekk għandi sifilide?
    Għandek tevita s-sess sakemm kemm int kif ukoll il-partner tiegħek tkunu lestejtu l-kura u s-sintomi kollha jkunu telqu, sabiex ma tinfettawx lil ħaddieħor jew lil xulxin. Huwa importanti li ssegwi l-parir tat-tabib tiegħek.

    X'inhuma l-kumplikazzjonijiet possibbli tas-sifilide?
    Is-sifilide tibqa' f'ġismek jekk ma tiġix ittrattata. Mingħajr kura, is-sifilide tista' tinfirex fid-demm u tagħmel ħsara lil partijiet oħra tal-ġisem, bħall-għadam, il-qalb u l-moħħ.

    Is-sifilide taffettwa r-riskju tiegħi li jkolli l-HIV?
    Iva, is-sifilide żżid r-riskju tal-infezzjonia bl-HIV.

    Jista' jerġa' jkolli s-sifilide wara li l-kura?
    Iva, tista' terġa taqbdek is-sifilide. Tista' teħodha minn partner sesswali mhux ittrattat.

    Is-sifilide u t-tqala
    Kull persuna tqila f'Malta tiġi ttestjata għas-sifilide. Xorta tista' tieħu s-sifilide waqt it-tqala jekk tibqa' attiva sesswalment. Jekk int tqila u għandek is-sifilide, tista' tgħaddi l-infezzjoni lit-tarbija tiegħek. Il-kura tista' tingħata b'mod sikur matul it-tqala.

    Sifilide mhux ikkurata tista' twassal għal problemi serji bħal korriment, tarbija mwielda mejta jew tarbija ssofri minn mard serju (sifilide konġenitali).

    Jekk int tqila u taħseb li jista' jkollok is-sifilide, ara lit-tabib minnufih għaliex tista' tgħaddi l-infezzjoni lit-tarbija tiegħek waqt it-tqala.

    Għandi bżonn ngħid lil-partner tiegħi?
    Huwa importanti li tipproteġi u tinforma lill-partner sesswali attwali tiegħek u lill-partner/s sesswali preċedenti tiegħek li ttestjajt pożittiv għas-sifilide u li qed tirċievi trattament. Jekk għandek is-sifilide, huwa possibbli li l-partners sesswali tiegħek ikollhom is-sifilide ukoll. Għandek tiġi ttestjat/a wkoll għal STIs oħra.

    Jekk xi ħadd jikkondividi l-istatus tas-saħħa sesswali tiegħu miegħek — tiddejjaq xejn! Int u l-partner tistgħu tiġu ttestjati u ttrattati!

    Aktar informazzjoni u għajnuna

    • Kellem lit-tabib tiegħek.
    • Ċempel lill-GU Clinic fuq 25457494/1.


    Referenzi

    https://iusti.org/wp-content/uploads/2019/11/Syphilis2017.pdf

    https://www.bashhguidelines.org/current-guidelines/genital-ulceration/syphilis-2015/

    https://www.cdc.gov/std/syphilis/default.htm