HPV

Main menu

    X'inhu l-HPV?

    • Il-Human Papilloma Virus (HPV) huwa grupp ta' viruses li jikkonsisti minn aktar minn 100 tip differenti.
    • Ħafna nies li jkollhom l-HPV ġenitali ma jkunux jafu li għandhom.
    • Spiss ma jkunx hemm sintomi.
    • L-HPV tista' tgħaddih lil ħaddieħor bla ma tkun taf.
    • Hemm ħafna tipi differenti ta' HPV. Hemm xi tipi minnu li jistgħu jikkawżaw problemi ta' saħħa bħall-felul u l-kanċer ġenitali.
    • Hemm vaċċini li jistgħu jgħinu biex ma jkollokx dawn il-problemi ta' saħħa.


    Kif jittieħed l-HPV?
    L-HPV jittieħed bil-kuntatt mal-ġilda. Il-kuntatt ta' ġilda ma' ġilda fil-parti ġenitali jseħħ waqt is-sess. Il-felul ġenitali jittieħed l-aktar bis-sess bla protezzjoni, imma anki bil-kuntatt mal-ġilda, anki jekk il-pazjent ewliweni ma jkollux sintomi jew inkella jkollu sinjali u sintomi subklinċi. Wara t-trattament, jibqa' mhux magħruf ir-riskju tal-infettività. Il-kondoms jistgħu jnaqqsu r-riskju.

    Jista' jittieħed ukoll, imma inqas, bis-sess orali u bl-użu ta' sex toys ma' persuna infettata bl-HPV.

    Min ikun infettat u ma jkollux sinjali jew sintomi xorta jista' jgħaddi l-virus lil ħaddieħor.

    Il-felul anoġenitali ma jitteħidx mill-bews, it-tgħanniq, jew meta tieħu banju ma' xi ħadd jew tuża l-istess xugaman, u lanqas mill-pixxini, is-sedil tat-toilet, jew meta tuża l-istess tazzi, platti jew pożati.

    Fatturi ta' Riskju:

    • Tkun sesswalment attiv/a ta' età żgħira.
    • Attività sesswali ma' bosta partners.
    • Attività sesswali ma' partner li jkollu/ha bosta partners sesswali.
    • L-HPV x'aktarx tinqabad aktar f'nisa immunosoppressi.
    • Ir-riskju huwa akbar għal irġiel li ma kellhomx ċirkonċiżjoni.


    X'inhuma l-effetti tal-HPV fuq is-saħħa?
    Xi tipi ta' HPV jistgħu jikkawżaw problem ta' saħħa bħall-felul u l-kanċer ġenitali.

    L-infezzjoni tal-HPV ġenitali s-soltu tgħaddi u tfiq mingħajr ebda karatteristika jew komplikazzjoni klinika, u ġeneralment tkun ikkawżata mit-tipi ta' HPV 6 u 11. Mhux kull min ikollu l-virus ikollu l-felul anoġenitali. Il-virus tista' teħles minnu waħdek. Madankollu, jaf ma tkunx taf li għandek il-virus, u l-felul jiżviluppa ġimgħat jew xhur u saħansitra snin wara li tkun ġejt f'kuntatt mal-virus. Il-felul is-soltu ma juġgħakx u mhuwiex problema serja. Jidher fil-parti ġenitali jew anali u jista' jkunu ċatt jew imqabbeż, felula waħda jew grupp ta' felul, kbira jew żgħir, b'forma ta' pastarda. Il-felul jista' jitlaq mingħar trattament, imma jista' wkoll jibqa' u jiżdied. Jista' jikkawżaw id-demm mill-anu (patata) jew mill- uretra (pajp tal-pipì), u jistgħu jeffettwaw kif tgħaddi l-awrina.

    In-nisa bl-HPV jista' jkollhom il-felul fuq il-vaġina, il-vulva u l-għonq tal-utru. Fl-irġiel, il-felul jista' jinstab fuq il-pene, il-borża tat-testikoli, u l-uretra. Il-felul ġenitali jista' wkoll jinstab mal-koxox ta' fuq u madwar jew fl-anus.

    L-infezzjonijiet tal-HPV xi kultant jistgħu jiżviluppaw f'kanċer. Dan huwa r-raba' kanċer l-aktar komuni fin-nisa. L-HPV jista' jikkawża kanċer tal-għonq tal-utru u tipi oħra ta' kanċer, fosthom kanċer tal-vulva, tal-vaġina, tal-peni u tal-anu, Jista' wkoll jikkawża kanċer fin-naħa ta' wara tal-gerżuma, inkluż ma' qiegħ l-ilsien u t-tunsilli.

    Kif jista' jiġi ttrattat l-HPV?
    Jekk għandek il-felul ġenitali, tista' tiġi ttestjat/a għal STIs (infezzjonijiet li jittieħdu sesswalment) bħall-HIV, il-gonorrea, jew is-sifilide, għax jista' jkollok aktar minn infezzjoni waħda fl-istess ħin. Tista' tiddiskuti t-trattament mat-tabib għaliex hemm bosta modi kif jiġi ttrattat l-HPV. Il-felul ġenitali jista' jerġa' jiġi wara t-trattament. Madankollu, sistema immunitarja f'saħħitha tista' teqred il-virus jew iżżommu milli jerġa' jfeġġ.

    Il-pre-kanċer tal-għonq tal-utru jista' jiġi ttrattat. Is-soltu jiġi identifikat waqt Pap smear. Kanċer ieħor relatat mal-HPV jista' wkoll jiġi ttrattat meta jiġi djanjostikat, l-aktar jekk jinqabad kmieni.

    Jista' jkolli relazzjonijiet sesswali jekk għandi l-felul ġenitali?
    Dejjem importanti tiċċekkja għandekx infezzjonijiet sesswalment trażmessi qabel ma jkollok relazzjoni sesswali. Huwa dejjem irrikmandat li tuża l-kondoms waqt is-sess, speċjalment jekk għandek il-felul.

    U l-vaċċin?
    F'Malta, il-gvern qed joffri l-vaċċin lil-bniet kollha ta' 12-il sena jew akbar li twieldu wara s-sena 2000. Tista' ssib aktar informazzjoni taħt it-titlu tilqim għall-HPV.

    Il-felul ġenitali u t-tqala
    Il-felul ġenitali ma jeffettwax il-fertilità. Kellem lit-tabib jekk tqila u għandek il-felul ġenitali. Il-felul jista' jibdel id-daqs u l-forma u rari jeffettwa lit-tarbija. In-nisa tqal li jkollhom il-felul ġenitali s-soltu ma jkollhomx bżonn ċesarja sakemm ma jkunx hemm il-felul qed jimblokka l-kanal minn fejn tgħaddi t-tarbiija.

    Pariri Ewlenin għal min għandu l-Felul Anoġenitali

    • It-tipi ta' HPV li jikkawżaw il-felul ġenitali huma differenti minn dawk li jikkawżaw il-kanċer. In-nisa li għandhom il-felul ġenitali m'għandhomx bżonn Pap tests aktar spissi minn ta' nisa oħra.
    • Ma jistax ikun magħruf preċiż iż-żmien li l-HPV jieħu biex jiżviluppa. Il-felul ġenitali jista' jiżviluppa xhur u anki snin wara li tkun ħadt l-HPV. L-infezzjoni tista' tgħaddi minn persuna għal oħra anki jekk ma jkunx hemm sinjali viżibbli ta' felul. Il-partners sesswali għandhom it-tendenza li jgħaddu l-HPV lil xulxin, anki jekk is-sinjali tal-HPV (eż. il-felul) jistgħu jidhru f'partner wieħed biss jew f'ebda minnhom.
    • It-trattament ma jikkurax lil virus innifsu u l-felul jista' jerġa' jidher wara t-trattament.
    • Minħabba li l-felul ġenitali jista' jiġi trażmess sesswalment, il-pazjenti bil-felul ġenitali jagħmlu sew jekk jittestjaw għal mard STI ieħor.
    • Hemm vaċċin (Gardasil 9) għall-irġiel u n-nisa kontra l-felul ġenitali u biex jipproteġi mit-tipi ta' HPV ta' riskju għoli li huma marbuta mal-kanċer, iżda ma jitrattax HPV jew felul ġenitali eżistenti.
    • Min ikollu l-felul ġenitali għandu jinforma l-partner(s) kurrenti tiegħu. Il-partners jaf ġa jkollhom l-HPV minkejja li ma jkunx hemm sinjali viżibbli ta' felul.
    • Ma tista' tingħata l-ebda rakkomandazzjoni dwar jekk għandhomx jiġi infurmati dwar dijanjożi ta' felul ġenitali l-partners li fil-futur se jkollok relazzjoni sesswali magħhom, billi mhuwiex magħruf kemm iddum il-persistenza virali wara li l-felul ikun tneħħa.


    Appoġġ u Kuntatti

    • It-tabib tal-familja u l-ġinekologu tiegħek.
    • Il-Genitourinary (GU) Clinic fuq 25457491/25457494.
    • Id-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard fuq 23266000.
    • Detox helpline 22261800.


    Referenzi:

    https://www.cdc.gov/hpv/

    https://www.cdc.gov/std/hpv/the-facts/genital_hpv_bro508-2017.pdf

    https://www.who.int/immunization/diseases/hpv/en/

    https://www.ecdc.europa.eu/en/human-papillomavirus

    https://iusti.org/wp-content/uploads/2019/11/GenitalWarts2019.pdf