Pillola Kombinata

Main menu

     

    Il-pillola kontraċettiva orali kombinata fiha żewġ ormoni – l-estroġenu u proġestoġen. Illum hija waħda mill-aktar metodi użati ta' kontraċezzjoni.

    Kemm hi effettiva l-pillola?
    Bl-użu bil-għaqal, il-pillola kombinata hija 99% effettiva fil-prevenzjoni tat-tqala, madankollu, bl-użu b'inqas attenzjoni l-effikaċja tista' tonqos għal 92%.

    L-effikaċja tal-pillola kombinata titnaqqas bi:

    • Pilloli li ma jittiħdux – jekk il-mara tinsa tieħu l-pillola jew teħodha aktar minn 12-il siegħa tard.
    • Rimettar – jekk mara tirrimetti fi żmien 3 sigħat minn meta tieħu l-pillola.
    • B'dijarea qawwija.
    • Bil-mediċini li huma jew indutturi ta' enżimi jew jaffettwaw l-assorbidità fl-istonku.
    • Jekk jittieħdu antibijotiċi fl-istess ħin.


    Kif taħdem il-pillola?
    Tipprevjeni t-tqala billi:

    • Twaqqaf l-ovulazzjoni.
    • Tagħmel l-endometriju diffiċli għall-impjantazzjoni; tagħmlu irqiq biex ikun inqas probabbli li jaċċetta bajda fertilizzata.
    • Tagħmel il-mukus tal-għonq tal-utru impenetrabbli għall-isperma.


    X'inhuma l-vantaġġi tal-pillola?

    • Affidabbli u tista' titwaqqaf faċilment.
    • Serħan minn uġigħ mestruwali eċċessiv u minn perjodi menstruwali qawwija/fit-tul.
    • Tnaqqas ir-riskju ta' anemija.
    • Tnaqqas ir-riskju ta' ċesti mhux perikolużi fis-sider u fl-ovarji (ċesti fl-ovarji).
    • Serħan mis-sintomi ta' qabel il-mestruwazzjoni.
    • Anqas ċans ta' tqala barra mill-utru.
    • Anqas mard infjammatorju fil-pelvi.
    • Tipproteġi kontra l-kanċer endometrijali u tal-ovarji.


    X'inhuma l-iżvantaġġi tal-pillola?

    • Trid tittieħed regolarment, kif suppost, u b'mod konsistenti.
    • L-ebda protezzjoni kontra l-STIs u l-HIV.
    • Żieda fir-riskju ta' mard ċirkolatorju bħal pressjoni għolja, mard fl-arterji u trombożi fil-vini.
    • Żieda fir-riskju ta' adenoma tal-fwied, suffejra kolestatika, ġebla fil-marrara.
    • L-effett ta' COC fuq il-kanċer tas-sider.
    • Mhux tajba għal nisa li jpejpu li għandhom aktar minn 35 sena.


    Meta nista' nibda l-pillola?
    Il-pillola kombinata ta' 21 jum trid tibda tittieħed fl-ewwel ġurnata taċ-ċiklu mestruwali tal-mara, jiġifieri fl-ewwel ġurnata tal-perjodu meta l-mara tara d-demm (menses). Meta tibda tittieħed fl-ewwel ġurnata tal-perjodu, m'hemmx għalfejn jittieħdu miżuri oħra ta' kontraċezzjoni. Dan japplika għall-pilloli kollha ta' 21 jum kemm jekk ikunu ta' livell wieħed, ta' żewġ livelli jew ta' tlieta. Jekk il-pillola tibda tittieħed f'xi waqt ieħor fiċ-ċiklu, ikunu meħtieġa prekawzjonijiet addizzjonali (bħall-użu ta' kondom) għal 7 ijiem. Il-pillola għandha tittieħed fl-istess ħin kuljum. Meta jkunu ttieħdu 21 pillola kuljum, il-mara għandha tieqaf tieħu l-pilloli għal 7 ijiem; din il-pawża hija magħrufa bħala l-ġimgħa ta' mingħajr pilloli, li matulha l-mara jkollha ħruġ ta' demm (menses). Dan huwa magħruf bħala "fsada tal-irtirar". Wara l-waqfa ta' 7 ijiem, il-mara għandha terġa' tibda tieħu l-pillola fit-8 jum. Kull kaxxa pilloli trid dejjem tibda tittieħed fl-istess jum tal-ġimgħa li fih tkun inbdiet tittieħed l-ewwel kaxxa.

    Kif għandi nieħu l-pillola?
    Hemm erba' tipi ta' pilloli kombinati:

    • Pilloli ta' livell wieħed ta' ormoni (monophasic).
    • Pilloli ta' żewġ livelli ta' ormoni (biphasic).
    • Pilloli ta' tliet livelli ta' ormoni (triphasic).
    • Pilloli ta' kuljum (ED).

    Pilloli ta' livell wieħed huma l-pillola kombinata l-aktar użata, li jfisser li fiha l-istess ammont ta' estroġenu u proġestoġen matul il-21 jum ta' pilloli tagħha.

    Pilloli ta' żewġ livelli huma pilloli li jittieħdu għal 21 jum li fihom l-istess ammont ta' estroġenu fil-kaxxa iżda hemm pilloli b'żewġ livelli differenti ta' proġestoġen fihom. Dawn ġeneralment ikunu ta' lewn differenti.

    Pilloli ta' tliet livelli huma pilloli li jittieħdu għal 21 jum li fihom ammonti varjati ta' estroġenu (normalment żewġ livelli differenti) fil-kaxxa kollha iżda għandhom tliet livelli differenti ta' proġestoġen fihom, indikati b'kuluri differenti.

    Il-pilloli ta' kuljum (ED) huma jew ta' livelli wieħed jew ta' tliet livelli iżda huma pilloli li jittieħdu għal 28 jum. Wieħed u għoxrin minn dawn il-pilloli fihom l-estroġenu u l-proġestoġen u sebgħa minn dawn il-pilloli huma pilloli inattivi li ma fihom l-ebda ormoni. L-għan tal-pillola ED huwa li ttejjeb il-konformità.

    Jiena nkun protetta mit-tqala waqt il-waqfa mill-pilloli jew fil-ġimgħa tal-plaċebo?
    Iva, inti protetta jekk:

    • Ħadt il-pilloli kollha kif suppost.

    u

    • Tibda kaxxa ġdida fil-ħin.

    u

    • Ma jkun ġara xejn aktar li jista' jagħmel il-pillola inqas effettiva.


    X'għandek tagħmel meta tinsa tieħu l-pillola, tirremetti, jew ikollha dijarea qawwija?
    Jekk tinsa tieħu pillola, imma għadha fit-12-il siegħa minn meta normalment teħodha, għandha teħodha mill-ewwel u ma jkunx hemm bżonn ta' prekawzjonijiet oħra.

    Jekk tinsa tieħu l-pillola għal aktar minn 12-il siegħa minn meta normalment teħodha, f'dan il-każ hemm ċerti azzjonijiet u prekawzjonijiet li jridu jittieħdu, skont it-tip tal-pillola (pillola ta' livell wieħed, ta' żewġ livelli, ta' tlieta jew ta' kuljum) u l-ġurnata speċifika li fiha tkun inqabżet il-pillola. F'din is-sitwazzjoni, huwa importanti ħafna li l-mara tfittex parir mingħand l-ispiżjar, it-tabib tal-familja, jew mingħand professjonist ieħor magħżul tal-kura tas-saħħa bħal infermiera jew qabla, dwar l-azzjonijiet u l-prekawzjonijiet addizzjonali li se jkunu meħtieġa biex tassigura li tkun tista' jkollha x'taqsam sesswalment b'mod sikur mingħajr ir-riskju li toħroġ tqila.

    Jekk mara tirremetti fi żmien 3 sigħat minn wara li tieħu l-pillola, jew taqbadha dijarea qawwija, il-pillola ma tkunx effettiva u jkun hemm bżonn jittieħdu l-prekawzjonijiet. Dawn jiddependu fuq kemm il-mara ddum issofri mir-rimettar jew mid-dijarea. F'dawn iċ-ċirkostanzi, huwa importanti ħafna li l-mara tfittex parir mingħand l-ispiżjar, it-tabib tal-familja, jew mingħand professjonist ieħor magħżul tal-kura tas-saħħa bħal infermiera jew qabla, dwar l-azzjonijiet u l-prekawzjonijiet addizzjonali li se jkunu meħtieġa biex tassigura li tkun tista' jkollha x'taqsam sesswalment b'mod sikur mingħajr ir-riskju li toħroġ tqila.

    Pariri Għal Meta Tinqabeż Pillola
    In-nisa huma sikuri li jkollhom rapport sesswali matul il-perjodu ta' 7 ijiem li fihom ma jkunux qed jieħdu pilloli, sakemm ma jtawlux dan il-perjodu. Jekk mara ttawwal dan iż-żmien, tkun fir-riskju li jkollha ovulazzjoni u li tinqabad tqila. Jekk tinsa tieħu l-aħħar pillola tal-kaxxa, il-mara għandha tgħodd dik il-ġurnata bħala l-ewwel waħda tal-perjodu ta' waqfien u tagħmel sitt ijiem oħra mingħajr pilloli.

    Jekk il-mara tinsa terġa' tibda tieħu l-pilloli tal-kaxxa li jkun imiss fil-ħin, u jkollha intervall ta' 8 ijiem mingħajr pilloli, il-pilloli ma jkunux effettivi u ma jservux ta' kontraċettiv, sakemm ma tkunx għamlet 7 ijiem tibla' l-pilloli; sadattant trid tieħu prekawzjonijiet kontraċettivi oħra, bħall-użu tal-kondoms.

    Jekk ikollha dubju, il-mara għandha DEJJEM tikkuntattja lit-tabib tal-familha, lill-ispiżjar jew lil xi professjonist ieħor magħżul tal-kura tas-saħħa, bħal infermiera jew qabla, għal parir.

    Jekk nieħu mediċini oħra dan jaffettwa l-pillola tiegħi?

    • Antibijotiċi - L-antibijotiċi Rifampicin u Rifabutin (mediċini li jittrattaw it-tuberkulożi u l-meninġite) jistgħu jnaqqsu l-effettività tal-pillola kombinata. Jista' jkollok bżonn ta' kontraċezzjoni addizzjonali bħal kondoms waqt li tkun qed tieħu l-antibijotiku jew għal xi żmien wara. Antibijotiċi oħra m'għandhomx jaffettwaw.
    • Mediċina għall-epilessija u l-HIV, u trattament għall-fexfiex - Dawn it-tipi ta' mediċini jissejħu indutturi tal-enżimi (iħaffu t-tkissir tal-ormoni mill-fwied tiegħek) u jistgħu jagħmlu l-pillola inqas effettiva.

    Huwa importanti li tikkonsulta mal-professjonist tal-kura tas-saħħa tiegħek għal gwida. Tista' tingħata parir biex tuża forma alternattiva jew addizzjonali ta' kontraċezzjoni waqt li tkun qed tieħu xi waħda mill-mediċini msemmija hawn fuq.

    Kulħadd jista' juża l-pillola?

    Il-pillola tista' ma tkunx tajba għalik:

    • Jekk inti tqila.
    • Jekk qed tredda' tarbija ta' anqas minn 6 ġimgħat.
    • F'każ ta' obeżità (indiċi tal-massa tal-ġisem (BMI) ta' aktar minn 35 kg/m2).
    • F'każ ta' nisa li jpejpu li għandhom aktar minn 35 sena; jew waqfu jpejpu inqas minn sena ilu.

    Il-pillola kombinata tista' ma tkunx adattata għalik jekk għandek jew kellek fil-passat:

    • Dmija mill-vaġina jew mill-utru mhux eżaminata.
    • Każijiet imgħoddija jew attwali ta' trombożi tal-vini.
    • Każijiet imgħoddija jew attwali ta' trombożi fl-arterji.
    • Mard tal-qalb kardjovaskulari u iskemiku.
    • Mard relatat mal-lipidi.
    • Migranja b'uġigħ f'parti speċifika tar-ras jew b'uġigħ li jiżdied mal-ħin.
    • Emorraġija fil-moħħ.
    • Attakki iskemiċi temporanji.
    • Mard attiv fil-fwied.
    • Kanċer tas-sider.
    • Erba' ġimgħat qabel operazzjoni maġġuri jew operazzjoni fis-saqajn.
    • Dijabete mellitus severa b'kumplikazzjonijiet.
    • Mard tal-ewwel grad fil-familja fl-arterji/vini tal-qraba ta' taħt il-45 sena.
    • Mard gravi ta' Crohn's disease u ulċeri fil-musrana l-kbira.
    • Kundizzjonijiet mediċi oħra jew relatati mal-użu preċedenti tal-pillola kombinata jew mal-effetti tal-isterojdi tas-sess.
    • Tkun f'altitudni għolja (aktar minn 4,500 metru) għal aktar minn ġimgħa.


    Hemm xi effetti sekondarji?
    Tista' tħoss l-effetti sekondarji li ġejjin:

    • Dardir.
    • Sensittività u nefħa fis-sider.
    • Dmija.
    • Dipressjoni.
    • Tibdil fix-xewqat sesswali (libido).
    • Il-lentijiet tal-kuntatt jistgħu jibdew jinħassu skomdi – din ħafna drabi hija assoċjata ma' lentijiet ibsin u ma' pilloli b'doża għolja.

    Meta tibda l-kontraċezzjoni orali, ir-riskji flimkien mal-benefiċċji għandhom jiġu diskussi kollha mat-tabib ħalli tifhem u tiżen sew ir-riskji u l-benefiċċji tal-pillola kontraċettiva.

    X'inhuma r-riskji?
    Mara li jkollha xi waħda mill-problemi li ġejjin waqt li tkun qed tieħu l-pillola kontraċettiva għandha tfittex attenzjoni medika minnufih:

    • Uġigħ u nefħa fil-pexxul tas-sieq.
    • Uġigħ fis-sider.
    • Qtugħ ta' nifs.
    • Żieda fl-uġigħ ta' ras.
    • Uġigħ ta' ras bi problemi fit-taħdit jew fil-vista.
    • Uġigħ, tnemnim jew dgħufija fid-driegħ jew fir-riġel.
    • Problemi f'daqqa bit-taħdit jew il-vista tiegħek.
    • Suffejra.
    • Uġigħ qawwi fil-parti addominali.
    • Dmija waqt l-att sesswali jew kwalunkwe dmija fit-tul.


    Se nżid il-piż jekk nieħu l-pillola?
    Ir-riċerka ma tindikax li l-pillola tikkawża żieda fil-piż. In-nisa għandhom tendenza li jżidu ftit fil-piż minħabba żamma ta' fluwidu.

    Minn fejn nista' nakkwista l-pillola kombinata?

    • Tista' tkellem lit-tabib tal-familja tiegħek u jiggwidak hu.
    • Konsultazzjoni tal-ġinekologu jew kull klinika oħra tas-saħħa sesswali li toffri pariri dwar il-kontraċettivi.


    Nista' nuża l-pillola wara korriment?
    Tista' tibda tieħu l-pillola kombinata sa 5 ijiem wara korriment. Jekk tibda l-pillola aktar minn 5 ijiem wara l-korriment, se jkollok bżonn tuża kontraċezzjoni addizzjonali sakemm tkun ħadt il-pillola għal 7 ijiem. Importanti li tikkonsulta mat-tabib għal pariri u gwida.

    Għadni kif kelli tarbija. Nista' nibda tuża l-pillola?
    Jekk għadek kemm kellek tarbija u m'intix qed tredda', huwa rrakkomandat li tistenna sal-21 jum wara t-twelid. Dejjem iċċekkja mat-tabib tiegħek għal gwida. Jekk tibda l-pillola aktar tard minn 21 jum, se jkollok bżonn kontraċezzjoni addizzjonali bħal kondoms għas-7 ijiem li jmiss.

    Nista' naqleb għal pillola differenti?
    Iva, tista' taqleb għal pillola differenti, madankollu, importanti li titlob parir mingħand il-professjonist tal-kura tas-saħħa tiegħek u jiggwidak meta twaqqaf u tibda l-pillola l-ġdida.

    Jista' nara d-demm meta nibda l-pillola?
    Id-dmija hija komuni ħafna meta tibda tieħu l-pillola u ġeneralment tkompli sakemm toqgħod. Importanti li ssegwi l-istruzzjonijiet tal-pillola li tkun qed tieħu. Jekk id-dmija ma tiqafx wara li tkun ilek tieħu l-pillola għal xi żmien, fittex parir mediku.

    Nista' ninqabad tqila meta nwaqqaf il-pillola?
    Meta tieqaf tieħu l-pillola, il-fertilità terġa' lura għal dik li hi normali għalik. Il-perjodi tiegħek jistgħu ma jibdewx immedjatament. It-tqala tista' sseħħ hekk kif tieqaf tieħu l-pillola.

    Jekk ma tridx tinqabad tqila u reċentement kellek x'taqsam sesswalment, fittex parir għax tinsab f'riskju li tinqabad tqila.

    Kemm għandi mmur għal vista ta' spiss?

    • Tista' tibda billi tieħu l-pillola u ssegwi l-istruzzjonijiet.
    • L-istorja medika tiegħek, il-pressjoni tad-demm u l-piż għandhom jiġu ċċekkjati mill-inqas darba fis-sena.
    • Staqsi għall-parir mingħand il-fornitur tal-kura tas-saħħa tiegħek meta għandek tagħmel l-appuntament li jmiss.
    • Jekk qed ikollok xi problemi minn meta bdejt tieħu l-pillola jew jekk għandek xi tħassib kellem lill-professjonist tal-kura tas-saħħa tiegħek.


    Jekk inkun qed nieħu l-pillola, jien protetta minn Infezzjonijiet Trażmessi Sesswalment?
    Le, il-kondoms tal-irġiel u tan-nisa biss (meta jintużaw b'mod korrett u konsistenti) jipproteġuk mill-STIs.