Pillola tal-Proġesteron Waħdu

Main menu

    Il-Pillola tal-Proġestoġen Waħdu (POP) hija magħrufa b'mod komuni bħala l-"mini-pill", u tagħti l-impressjoni li hija pillola kontraċettiva b'effikaċja baxxa. Il-POP għandha ħafna vantaġġi fuq metodi oħra li ħafna drabi jiġu sottovalutati.

    Kif taħdem il-POP?
    Fiha biss l-ormon proġestoġen u tipprevjeni t-tqala b'diversi modi, billi:

    • Tħaxxen il-mukus tal-għonq tal-utru, li ma jħallix l-isperma tgħaddi minnu.
    • Tnaqqas xi ċikli tal-ovulazzjoni.
    • Ma tħallix l-impjantazzjoni ssir mal-endometriju.
    • Tnaqqas il-funzjoni tat-tubu fallopjan.


    Kemm hi effettiva l-POP?
    L-effikaċja tal-POP hija bejn 96% u 99% fil-prevenzjoni tat-tqala. Dan ifisser inqas minn mara waħda (1) minn kull 100 li jużaw il-pillola tal-proġestoġen waħdu bħala kontraċezzjoni se tinqabad tqila f'sena 1. Jekk tintuża b'mod konsistenti u korrett l-effikaċja tkun ogħla, iżda għall-użu tipiku l-effikaċja tkun aktar baxxa; dan jista' jkun minħabba li persuni ma jkunux qed jieħdu l-pilloli tagħhom fil-ħin. Ir-riċerka wriet ukoll li jekk mara tkun itqal minn 70kg hemm tendenza li tindika li r-rata ta' falliment hija ogħla.

    Meta nista' nibda l-pillola?

    • Tista' tibdieha llum jekk tkun qed tredda' għal mill-inqas 6 ġimgħat.
    • Jekk ma tkunx qed tredda', tista' tibdieha fi kwalunkwe ġurnata taċ-ċiklu mestruwali jekk il-professjonist tal-kura tas-saħħa jiżgura li m'intix tqila.


    Kif għandi nieħu l-pillola?
    Il-POP fiha l-istess ammont ta' proġestoġen fil-pakkett kollu u għandha tittieħed kuljum. Għandha tinbeda fl-ewwel jum tal-mestruwazzjoni tal-mara mingħajr l-ebda prekawzjoni żejda meħtieġa. Il-POP tittieħed kuljum mingħajr pawżi ta' waqfien. Ladarba tkun ħadt il-pilloli kollha fil-pakkett, l-għada ibda pakkett ġdid.

    Pariri Għal Meta Tinqabeż Pillola
    Jekk il-POP jittieħed 3 sigħat tard jew aktar, il-mara għandha tieħu l-pillola tagħha meta tiftakar u tuża kontraċettiv addizzjonali bħal kondoms għas-7 ijiem li jkun imiss minn meta tieħu l-pillola.

    Jekk nieħu mediċini oħra dan jaffettwa l-POP?
    Meta tkun qed tieħu aktar minn 2 mediċini fl-istess ħin, xi kultant jista' jkun hemm interazzjoni bejniethom. Dawn jistgħu jaffettwaw lill-POP u jwaqqfuha milli taħdem kif suppost. Huwa importanti li tikkonsulta mal-professjonist tal-kura tas-saħħa tiegħek għal gwida. Tista' tingħata parir biex tuża forma alternattiva jew addizzjonali ta' kontraċezzjoni waqt li tkun qed tieħu xi waħda mill-mediċini.

    X'għandha tagħmel il-mara meta tinsa tieħu l-pillola, tirremetti, jew ikollha dijarea qawwija?

    Jekk mara jkollha dijarea qawwija jew rimettar fi żmien 3 sigħat minn meta tieħu l-pillola tagħha u ma tiħux oħra, ikollha bżonn tuża prekawzjonijiet addizzjonali (bħal kondoms) waqt li jkollha d-dijarea u r-rimettar għas-7 ijiem ta' wara. Iżda jekk ikun hemm xi possibbiltà ta' tqala, m'għandhiex teħodha.

    X'inhuma l-vantaġġi tal-pillola?

    • Ma tnaqqasx il-ħalib fis-sider, għalhekk hija adatta għal ommijiet li jkun qed ireddgħu.
    • M'hemmx evidenza ta' żieda fir-riskju ta' mard tal-qalb.
    • M'hemmx evidenza ta' żieda fir-riskju ta' trombożi fil-vini.
    • M'hemmx evidenza ta' żieda fir-riskju ta' pressjoni għolja.
    • M'hemmx bżonn titwaqqaf qabel operazzjoni.
    • Ma tiġix affettwata mill-firxa wiesgħa ta' antibijotiċi, jekk dejjem tittieħed fl-istess ħin.
    • Tajba għal persuni bid-dijabete jew dawk li jbatu minn migranji b'uġigħ f'parti speċifika tar-ras.
    • Tnaqqas l-uġigħ mestruwali eċċessiv.
    • Tista' ttaffi s-sintomi ta' qabel il-mestruwazzjoni.
    • Tajba għal persuni li ma jistgħux jieħdu l-estroġenu.


    X'inhuma l-iżvantaġġi tal-pillola?

    • Biex tkun effettiva jeħtieġ li tittieħed kif suppost, fl-istess ħin kuljum.
    • Tista' tikkawża ċiklu mestruwali irregolari.
    • Numru żgħir ta' persuni jiżviluppaw ċesti funzjonali fl-ovarji.
    • Jekk il-POP ma tirnexxix, tista' żżid iċ-ċans ta' tqala barra mill-utru.
    • Il-POP tista' tħalli effett fuq il-kanċer tas-sider.


    Kulħadd jista' juża l-pillola?
    Il-pillola tista' ma tkunx tajba għalik jekk:

    • Inti Tqila.
    • Għandek dmija mill-parti ġenitali mhux eżaminata.
    • Kellek jew għandek każijiet imgħoddija jew attwali ta' mard serju fl-arterji.
    • Għandek difetti severi fil-lipidi.
    • Kellek mard reċenti fiċ-ċelloli tal-utru tal-mara (trophoblastic disease).
    • Kellek effetti sekondarji serji mis-COC, li mhumiex minħabba l-estroġenu.
    • Kellek każijiet imgħoddija ta' tqala barra mill-utru.
    • Għandek mard tal-fwied, adenoma tal-fwied jew kanċer.


    Hemm xi effetti sekondarji?
    Tista' tħoss l-effetti sekondarji li ġejjin:

    • Ċesti funzjonali fl-ovarji.
    • Sensittività fis-sider.
    • Akne.
    • Depressjoni.
    • Żieda fit-tkabbir tax-xagħar.
    • Varjazzjonijiet fil-piż.
    • Dardir.
    • Dmija irregolari.
    • Nuqqas ta' mestruwazzjoni.


    X'inhuma r-riskji?
    B'mod ġenerali, il-pillola tal-proġestoġen waħdu hija sikura biex tittieħed.

    • Ċesti ovarji - xi persuni jistgħu jiżviluppaw ċesti mimlijin bil-fluwidu fl-ovarji tagħhom.
    • Riskji tal-kanċer – ir-riċerka qed tkompli teżamina l-konnessjoni dwar jekk il-kanċer huwiex assoċjat mat-teħid tal-POP.


    Minn fejn nista' nakkwista l-pillola tal-proġestoġen waħdu?

    • Tista' tkellem lit-tabib tal-familja tiegħek u jiggwidak hu.
    • Konsultazzjoni tal-ġinekologu jew kull klinika oħra tas-saħħa sesswali li toffri pariri dwar il-kontraċettivi.


    Nista' nuża l-pillola wara korriment?
    Tista' tibda tieħu l-pillola sa 5 ijiem wara korriment. Jekk tibda l-pillola aktar minn 5 ijiem wara l-korriment, uża kontraċezzjoni addizzjonali sakemm tkun ħadt il-pillola għal jumejn. Importanti li tikkonsulta mat-tabib għal pariri u gwida.

    Għadni kif kelli tarbija. Nista' nibda tuża l-pillola?
    Jekk għadek kemm kellek tarbija, huwa rrakkomandat li tistenna sal-21 jum wara t-twelid. Dejjem iċċekkja mat-tabib tiegħek għal gwida. Jekk tibda l-pillola aktar tard minn 21 jum, se jkollok bżonn kontraċezzjoni addizzjonali bħal kondoms għas-7 ijiem li jmiss. Jekk qed tredda', il-pillola tal-proġestoġen waħdu hija sikura biex tintuża. Ammonti żgħar ta' proġestoġen jistgħu jgħaddu fil-ħalib tas-sider tiegħek, iżda mhumiex ta' ħsara għat-tarbija tiegħek.

    Nista' naqleb għal pillola differenti?
    Iva, tista' taqleb għal pillola differenti, madankollu, importanti li titlob parir mingħand il-professjonist tal-kura tas-saħħa tiegħek u jiggwidak meta twaqqaf u tibda l-pillola l-ġdida.

    Nista' ninqabad tqila meta nwaqqaf il-POP?
    Meta tieqaf tieħu l-pillola, il-fertilità terġa' lura għal dik li hi normali għalik. Il-perjodi tiegħek jistgħu ma jibdewx immedjatament. It-tqala tista' sseħħ hekk kif tieqaf tieħu l-pillola.

    Jekk ma tridx tinqabad tqila u reċentement kellek x'taqsam sesswalment, fittex parir għax qiegħda f'riskju li tinqabad tqila.

    Kemm għandi mmur għal vista ta' spiss?

    • Meta mara tibda l-POP, hija għandha terġa' tmur għal vista ta' segwitu fi żmien 3 xhur jekk ma jkunx hemm problemi, imbagħad għandha tmur għal eżami sħiħ kull 6 xhur.
    • Staqsi għall-parir mingħand il-fornitur tal-kura tas-saħħa tiegħek meta għandek tagħmel l-appuntament li jmiss.
    • Tista' tibda billi tieħu l-pillola u ssegwi l-istruzzjonijiet.
    • Jekk qed ikollok xi problemi minn meta bdejt tieħu l-pillola jew jekk għandek xi tħassib kellem lill-professjonist tal-kura tas-saħħa tiegħek.
    • Meta tibda l-kontraċezzjoni orali, ir-riskji flimkien mal-benefiċċji għandhom jiġu diskussi kollha mat-tabib ħalli tifhem u tiżen sew ir-riskji u l-benefiċċji tal-pillola kontraċettiva.


    Jekk ikun qed nieħu l-POP, jiena protetta minn Infezzjonijiet Trażmessi Sesswalment?
    Le, il-kondoms tal-irġiel u tan-nisa biss (meta jintużaw b'mod korrett u konsistenti) jipproteġuk mill-STIs.