Sistema ta’ Ġol-Utru

Main menu

    X'inhu l-IUS?
    L-IUS għandha qafas tal-plastik forma ta' T simili għall-IUS tar-ram, iżda b'riserva ta' sterojdi. It-terminu IUS jintuża biex jiddistingwi l-kontraċettiv ormonali ta' ġol-utru minn apparat ta' ġol-utru bbażat fuq ir-ram (IUSs). L-IUS tintuża kemm bħala metodu ta' kontraċezzjoni kif ukoll bħala trattament għal mestruwazzjoni qawwija, mestruwazzjoni b'ħafna uġigħ, u għall-endometrijożi.

    Kif taħdem l-IUS?
    It-tagħmir għandu tul ta' 32 mm u dijametru ta' 4 mm. Jiddaħħal mill-kanal tal-għonq tal-utru u jitpoġġa fl-utru, fejn minn hemm jitfa' l-ormoni 24 siegħa kuljum għal perjodu rakkomandat bejn 3 u 5 snin. L-ammont ta' ormoni sintetiċi li titfa' s-sistema hu biss frazzjoni mid-doża ta' kuljum li jintefgħu permezz ta' kontraċettivi orali, u għalhekk l-effetti sekondarji għandhom ikunu inqas mill-metodi orali. L-IUS tista' titwaħħal biss minn tabib kwalifikat. Matul il- proċedura, li ddum biss ftit minuti, l-għonq tal-utru jinfetaħ u l-IUS tiddaħħal permezz ta' apparat ta' inserzjoni.
    L-IUS tipprevjeni t-tqala billi:

    • tagħfas l-endometriju, li tagħmilha diffiċli biex tkun tista' ssir impjantazzjoni.
    • F'xi nisa l-IUS tnaqqas il-funzjoni tal-ovarji - tipprevjeni r-rilaxx ta' bajda kull xahar (ovulazzjoni).
    • Tikkawża wkoll li l-mukus tal-għonq tal-utru jeħxien, u b'hekk l-isperma ma tkunx tista' tgħaddi.


    Kemm hi effettiva l-IUS?
    L-IUS hija bejn 98% sa kważi 100% effettiva fil-prevenzjoni tat-tqala. L-IUS għandha rata medja ta' falliment ta' inqas minn 0.2 għal kull 100 sena ta' mara sa 5 snin.

    Meta jista' jkolli IUS imdaħħla?
    Tista' tibda kwalunkwe ġurnata taċ-ċiklu mestruwali jekk il-fornitur tal-kura tas-saħħa jkun ċert li m'intix tqila.

    Kif titwaħħal?

    • Il-tabib tiegħek se jiċċekkjalek il-vaġina biex jiċċekkja l-utru u d-daqs tal-ġuf tiegħek.
    • Jista' jkollok bżonn ta' test ta' smear, jiċċekkjak għal infezzjonijiet eżistenti (STIs) u jikkurak kif xieraq.
    • L-inserzjoni tal-IUS m'għandhiex tieħu aktar minn 5 minuti.
    • L-IUS tiddaħħal permezz tal-għonq tal-utru għal ġol-utru (il-vaġina tinżamm miftuħa biex tiddaħħal).
    • Jista' jkun li tħoss uġigħ bħal matul il-mestruwazzjoni u bugħawwieġ wara l-inserzjoni għal ftit jiem. Tista' tieħu wkoll mediċini li jtaffu l-uġigħ jekk ikollok bżonn.


    Kif inkun naf li għadha f'postha?

    • L-IUS għandha żewġ ħjut irqaq li jiddendlu 'l isfel mill-utru tiegħek, fuq il-vaġina tiegħek.
    • Tista' titgħallem tħoss dawk il-ħjut u tiċċekkja li jkunu f'posthom.
    • Jekk taħseb li l-IUS inqalgħet jew mhux qiegħda f'postha, l-aħjar tuża aktar protezzjoni (bħal kondoms) kontra t-tqala matul is-sess.


    Nista' ninqabad tqila meta nneħħi l-IUS?
    L-IUSD tista' titneħħa fi kwalunkwe ħin jekk persuna tkun trid toħroġ tqila. L-IUS titneħħa minn tabib li jara l-ħjut tal-IUS fil-vaġina u jiġbed l-IUS bil-mod 'il barra.

    X'inhuma l-vantaġġi tal-IUS?

    • Tnaqqis fil-mestruwazzjoni qawwija u fit-tul.
    • Tnaqqis fl-uġigħ mestruwali eċċessiv.
    • Mestruwazzjoni mhux frekwenti jew nieqsa.
    • Effikaċja għolja.
    • Riversibbli.
    • Mhux relatata mal-att sesswali.


    X'inhuma l-iżvantaġġi tal-IUS?

    • Nuqqas ta' mestruwazzjoni.
    • Dmija irregolari.
    • Ikun hemm bżonn li l-għonq tal-utru jitwessa' u dan jista' jkun ta' skumdità, u għal xi nisa jkun ta' wġigħ.
    • Espulsjoni tal-IUS.
    • Tiċrit tal-utru, tal-imsaren, u tal-bużżieqa tal-awrina.
    • Pożizzjoni ħażina tal-IUS.
    • Tqala kkawżata minn espulsjoni, perforazzjoni, jew pożizzjoni ħażina.
    • Żieda żgħira fir-riskju ta' tqala ektopika jekk ikun hemm falliment tal-IUS.


    X'inhuma l-effetti sekondarji tal-IUS?
    Tista' tħoss l-effetti sekondarji li ġejjin:

    • Xi nisa jistgħu jiżviluppaw ċesti funzjonali fl-ovarji.
    • Sensittività fis-sider.
    • Akne.
    • Uġigħ ta' ras.
    • Nefħa ġenerali fil-ġisem.
    • Bidliet fil-burdata.
    • Dardir.
    • Dmija irregolari.
    • Nuqqas totali taċ-ċiklu tal-mestruwazzjoni.
    • Problemi fil-ġilda.


    X'inhuma r-riskji tal-IUS?
    Il-biċċa l-kbira tan-nisa jistgħu jużaw l-IUS, inklużi dawk li huma pożittivi għall-HIV. It-tabib tiegħek jiggwidak skont l-istorja medika tiegħek.

    L-IUS tista' ma tkunx adattata għalik f'każ ta':

    • Tqala.
    • Dmija fil-parti ġenitali mhux eżaminata.
    • Tibdil tal-valv tal-qalb.
    • Anomalija konġenitali jew miksuba fl-utru li taffettwa l-parti ta' fuq tal-utru, in-naħa l-oħra ta' fejn hemm l-għonq.
    • Tumuri suspettati jew ikkonfermati fl-utru jew fl-għonq tal-utru.
    • Mard reċenti fiċ-ċelloli tal-utru ta' persuna (trophoblastic disease).
    • Effetti sekondarji serji mis-COC, li m'għandhomx x'jaqsmu mal-estroġenu.
    • Mard tal-fwied, adenoma tal-fwied jew kanċer preżenti.
    • Infjammazzjonijiet u mard fil-vini preżenti minħabba embolu tad-demm (thrombophlebitis jew thromboembolic disorder).

    Ir-riskji relattivi jinkludu:

    • Mard sistemiku kroniku.
    • Fatturi ta' riskju minħabba mard fl-arterji.
    • Każijiet imgħoddija jew attwali ta' mard serju fl-arterji.
    • Difetti severi fil-lipidi.
    • Suffejra kolestatika li tfeġġ ta' spiss.
    • Kanċer minħabba l-isterojdi tas-sess, eż. kanċer tas-sider.
    • Ċesti funzjonali fl-ovarji fejn persuna jkollha tiddaħħal l-isptar.
    • Każijiet imgħoddija ta' tqala barra mill-utru.
    • Mediċini li jistgħu jinterferixxu mal-effikaċja tas-sistema ta' ġol-utru (fittex il-parir tal- ispiżjar jew tat-tabib jekk qed tieħu mediċini oħra).

    X'għandek tiftakar:

    • It-tip ta' IUS tiegħek.
    • Meta għandha titneħħa l-IUS.


    Nista' nara d-demm meta nibda l-IUS?
    Bidliet fid-dmija u bugħawwieġ huma komuni. Mur għand it-tabib tiegħek jekk dawn il-bidliet qed idejquk.

    Kif inkun naf jekk għandix infezzjoni?

    • Ikollok uġigħ fin-naħa t'isfel taż-żaqq.
    • Ikollok temperatura għolja.
    • Ikollok tisfira tinten.


    Nista' naqleb għal metodu ieħor ta' kontraċezzjoni?
    Iva, tista' tibdel għal metodu ieħor ta' kontraċezzjoni kull meta tixtieq. Tkellem mat-tabib tiegħek biex tiddiskuti aktar dwar kwalunkwe metodu affidabbli ieħor.

    Jista' jkolli IUS imwaħħal wara korriment?
    L-IUS tista' tiddaħħal immedjatament wara korriment.

    Għadni kif kelli tarbija. Meta jista' jkolli IUS imdaħħla?
    IUS tista' titwaħħal wara 4 sa 6 ġimgħat wara li twelled. Se jkollok bżonn ta' kontraċezzjoni alternattiva minn 3 ġimgħat wara t-twelid sakemm tiddaħħal l-IUS. F'ċerti ċirkostanzi l-IUS tista' wkoll tiddaħħal 48 siegħa wara t-twelid.

    Huwa sikur li tuża IUS meta tkun qed tredda' u ma taffettwax il-provvista tal-ħalib tiegħek.

    Kemm għandi mmur għal vista ta' spiss?
    It-tabib tiegħek se jiggwidak meta jkun l-appuntament li jmiss tiegħek. Madankollu, tistenniex sal-appuntament li jmiss jekk:

    • Qbiżt mestruwazzjoni, jew taħseb li tista' tkun tqila.
    • Jista' jkollok STI jew HIV/AIDS.
    • Il-ħjut tal-IUS jidhru li biddlu t-tul tagħhom jew m'għadhomx hemm.
    • Għandek uġigħ qawwi fin-naħa t'isfel taż-żaqq.


    Jekk għandi l-IUS, jien protetta minn Infezzjonijiet Trażmessi Sesswalment?
    Le, il-kondoms tal-irġiel u tan-nisa biss (meta jintużaw b'mod korrett u konsistenti) jipproteġuk mill-STIs.