Sess Aktar Sikur

Main menu

    X'inhu s-sess aktar sikur (safe/r sex)?
    Is-sess aktar sikur huwa l-prattika li tipproteġi lilek innifsek u lill-partner tiegħek minn infezzjonijiet u minn tqala mhux ippjanata.

    Ftakar li s-sess aktar sikur jibda mill-bidunett - tkellem mal-partner sabiex tkunu żguri li t-tnejn li intom lesti għas-sess.

    Is-sess aktar sikur kif jgħinni biex ma niħux STIs?
    Prattiki sesswali aktar sikuri jistgħu jinkludu wkoll il-bews, il-massaġġi u l-masturbazzjoni reċiproka. Prattiki bħal dawn jistgħu jkunu parti mill-aspett pjaċevoli tal-attivitajiet sesswali ta' koppja.

    Jekk se jkollok att sesswali, tista' żżomm lilek u lill-partner aktar sikuri billi tagħmel dan li ġej:

    • Dejjem uża kondom.
    • Uża l-istess kondom darba biss.
    • Agħmel test għall-STIs b'mod regolari.
    • Ħu l-PreP kif indikat - il-PreP tipprevjeni l-HIV biss.
    • Ma għandekx tagħmel sess jekk tissuspetta li int jew il-partner jista' jkollkom STI.
    • Ma għandekx tagħmel sess jekk int jew il-partner għandkom ferita, ulċera jew boċċa viżibbli fuq iż-żona ġenitali jew anali tagħhom.
    • L-STIs jistgħu jiġu trażmessi permezz tal-ġugarelli tas-sess Dejjem naddaf il-ġugarelli wara l-użu u aħsel idejk wara li tneħħi l-kondom. Uża l-ġugarelli tas-sess tiegħek stess u uża l-kondoms.
    • Evita l-użu eċċessiv ta' drogi u alkoħol.
    • Tlaqqam għall-Epatite A, B u l-Virus tal-Papilloma tal-Bniedem.
    • Wettaq sess mhux penetrattiv bħall-masturbazzjoni reċiproka jew outercourse (N.B. il-masturbazzjoni jew l-outercourse xorta għandhom riskju ta' esponiment għall-furrax, l-iskabbja, il-felul, jew tqala mhux mixtieqa. Kwalunkwe ħaġa li tinvolvi kuntatt ġenitali mal-ġilda jew il-kondiviżjoni ta' fluwidi sesswali tista' tittrażmetti l-STIs. Jekk is-semen jiġi fuq vulva matul l-outercourse, tista' sseħħ it-tqala).


    Kif teħodha STI?
    L-STIs huma infezzjonijiet li jgħaddu minn persuna għal oħra waqt attività sesswali inklużi:

    • Sess orali.
    • Sess anali.
    • Sess vaġinali.
    • Kuntatt ġenitali ġilda ma' ġilda.
    • Kondiviżjoni ta' fluwidi sesswali ma' oħrajn.

    Sess aktar sikur ifisser li tieħu passi biex tipproteġi lilek innifsek u lill-partner sesswali tiegħek mill-STIs matul is-sess.

    Nista' nuża l-lubrikant biex nagħmlu s-sess aktar sikur?
    Il-lubrikanti jistgħu jagħmlu s-sess aktar sikur, u fl-istess ħin iżidu l-kumdità u l-pjaċir. Il-frizzjoni li sseħħ matul is-sess tista' tikkawża irritazzjoni u anke tiċrit żgħir fuq il-ġilda. Il-frizzjoni tista' wkoll twassal biex li l-kondoms jinkisru aktar faċilment, u dan jagħmilha aktar faċli għall-STIs biex jidħlu f'ġismek. Il-biċċa l-kbira tal-kondoms huma prelubrikati, madankollu jekk tixtieq iżżid aktar, ara li l-lube li tuża jkun sikur biex jintuża bil-kondoms. Il-lubrikanti bbażati fuq l-ilma huma rakkomandati. Lubrikanti bbażati fuq iż-żejt jew ġellijiet oħra bħal lozjonijiet, żejt tat-trabi u xama' jistgħu jkissru l-latex tal-kondom u jirritawlek il-ġenitali.

    L-użu ta' lubrikanti matul is-sess anali huwa rrakkomandat ħafna. Għall-kuntrarju tal-vaġina, l-anus mhuwiex lubrikat. Mingħajr lubrikazzjoni, is-sess anali jista' jkun ta' uġigħ u jistgħu jseħħu faċilment irritazzjonijiet u tiċrit fl-anus u fir-rektum, li għal darb' oħra jistgħu jpoġġuk f'riskju għall-STIs u l-HIV.