Epatite C

Main menu

    X'inhi Epatite (hepatitis)?
    Epatite tfisser infjammazzjoni tal-fwied. Jeżistu tipi differenti ta' Epatite, iżda dan il-fuljett ser jiffoka biss fuq l-Epatite Ċ.

    X'inhi Epatite Ċ?
    Epatite Ċ hija marda tal-fwied ikkawżata mill-virus tal-Epatite Ċ. Hija tista' tkun akuta jew kronika. Il-persuni li jkunu ilhom infettati inqas minn 6 xhur, ikunu qegħdin ibatu minn Epatite Ċ akuta. Ġeneralment, huma ma juru l-ebda sinjal jew sintomu. Madwar 20% tal-persuni nfettati jeħilsu mill-virus fi żmien 6 xhur u ma jkollhomx konsegwenzi fit-tul. It-80% li jifdal tal-persuni infettati jiżviluppaw Epatite Ċ kronika. Dawn il-persuni infettati jġorru l-virus għall-bqija ta' ħajjithom u jibqgħu infettivi u f'riskju għall-oħrajn jekk ma jieħdux il-kura.

    X'inhuma s-sintomi tal-Epatite Ċ?
    Jista' jkun li ma jkollokx sintomi u ma tkunx taf li inti infettat(a). Jekk jidhru xi sintomi, għall-ewwel dawn jistgħu jkunu simili għall-mard tal-influwenza.

    Meta jibdew jidhru s-sintomi?
    Il-biċċa l-kbira tal-każijiet ma jkollhomx sintomi. Is-sintomi jibdew jidhru fi kwalunkwe ħin bejn ġimgħatejn u 6 xhur wara l-infezzjoni. Madankollu, is-sintomi jistgħu jiżviluppaw ħafna snin wara bil-possibbiltà li l-ħsara fil-fwied tkun diġà fi stadju avvanzat.

    Jeżistu tipi differenti ta' Epatite Ċ?
    Iva, hemm 4 tipi ta' virus tal-Epatite Ċ magħrufa bħala ġenotipi. It-tabib tiegħek jiggwidak u jgħidlek b'liema virus inti infettat(a) wara li jsirlek test tad-demm.

    L-Epatite kif tiġi mgħoddija minn persuna għal oħra?
    Il-virus tal-epatite Ċ jiġi mgħoddi minn persuna għal oħra prinċipalment permezz ta' demm li jkun infettat.

    L-attivitajiet ta' riskju għoli jinkludu:

    • Użu tal-istess oġġetti (siringi, imgħaref għat-tisħin tad-droga u tagħmir għall-ġbid tad-droga mill-imnieħer)relatati mal-abbuż tad-droga bejn persuni nfettati . Dan huwa l-aktar mod komuni kif in-nies jiġu infettati.
    • L-użu ta' tagħmir mhux sterilizzat għat-tatwaġġ, għall-akupuntura jew għat-titqib tal-imsielet (huwa importanti li għal dawn is-servizzi tmur fi stabbilimenti li huma rreġistrati mill-Awtorità tas-Saħħa Pubblika).

    L-attivitajiet ta' riskju ta' livell baxx sa medju jinkludu:

    • Użu ta' l-istess jew in-nuqqas ta' rimi ta' provvisti li jintużaw għall-iġjene personali bħal xfafar tal-leħja u xkupilji tas-snien ta' persuni infettati.
    • Meta persuna tiġi esposta għal demm waqt sess mingħajr protezzjoni ma' persuna infettata. It-trażmissjoni sesswali hija mod xejn komuni ta' kif persuna tiġi infettata bl-Epatite Ċ. Madankollu, hemm riċerka li turi li rġiel li jkollhom x'jaqsmu sesswalment ma' rġiel oħrajn (MSM), li jkunu ttestjaw pożittiv għall-HIV u li jkollhom aktar minn sieħeb sesswali wieħed, għandhom riskju akbar li jiġu infettati bl-Epatite Ċ.
    • Meta persuna tweġġa' bil-labar f'ambjenti tal-kura tas-saħħa.
    • Miżuri mhux ta' livell li jipprevenu t-tixrid ta' mard infettiv bhal tagħmir ikkontaminat u sterilizzat b'mod inadekwat li jiġi użat fi proċeduri mediċi u dentali.
    • Minn omm infettata lit-tarbija tagħha waqt it-twelid. Dan il-mod huwa rari ħafna.


    Kif ma tiġix mgħoddija l-Epatite Ċ minn persuna għal oħra
    L-Epatite Ċ tiġi trażmessa biss permezz ta' demm infettat. Hija ma tgħaddix minn persuna għal oħra permezz tal-bews, it-tgħanniq, meta persuna tieħu b'idejn persuna oħra, meta persuna tiekol mill-istess platt jew tixrob mill-istess tazza.

    L-Epatite tista' tiġi kkurata?
    Iva! Aktar minn 90% tal-każijiet tal-Epatite jistgħu jingħataw trattament u jiġu kkurati. Trattamenti ġodda li jinstabu Malta u huma anke offruti mill-Gvern Malti, jikkġunaw ftit li xejn effetti sekondarji . L-informazzjoni kollha rigward it-trattament tista' tiġi diskussa mat-tabib tiegħek.

    Kif tista' tiġi evitata l-Epatite Ċ?
    Ma jeżisti EBDA vaċċin sabiex tiġi evitata l-Epatite Ċ, iżda dejjem hemm modi kif tista' tnaqqas ir-riskju li tiġi infettat(a).

    • Tużax l-istess labar, mgħaref jew prattiċi ta' ġbid tad-droga mill-imnieħer ma' persuni oħrajn għall-użu tad-droga.
    • Evita li tuża jew issellef xfafar tal-leħja, xkupilji tas-snien jew oġġetti personali ta' oħrajn li jinvolvu kuntatt ma' demm infettat.
    • Dejjem uża l-kontraċettivi (kondoms) għall-atti sesswali.
    • Mur fi stabbilimenti li jipprovdu servizzi ta' tatwaġġ, akupuntura jew titqib tal-imsielet illi għandhom il-liċenzji neċessarji.


    Appoġġ u Kuntatti

    • It-Tabib Tiegħek (Tabib tal-Familja).
    • Il-klinika ĠenitoUrinarja (GU) 25457494/1.
    • Id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard 23266000.
    • Il-Helpline tad-Detox 22261800.


    Riżorsi użati:

    https://www.cdc.gov/knowmorehepatitis/media/pdfs/FactSheet-Boomers.pdf

    https://www.cdc.gov/hepatitis/resources/professionals/pdfs/CounselingandTestingPC.pdf