Shigella

Main menu

    X’inhi x-Shigella?
    Ix-Shigella hija batterju li jikkawża marda tad-dijarea (shigellożi/shigellosis).

    Kif tinxtered is Shigella?
    Ix-Shigella tista’ tinxtered permezz ta’ kuntatt mal-feċi (il-kokò) ta' persuna infettata billi:

    • Jittiekel ikel ikkontaminat minn persuna li tbati mix-shigellożi.
    • Jinbela' ilma kkontaminat minn materja fekali infettata.
    • Waqt is-sess, jekk il-batterji fil-materja fekali jgħaddi għall-ħalq meta jintlagħqu ġilda, kondoms jew ġugarelli kkontaminati. Għalhekk attivitajiet sesswali bħas-sess oro-anali (rimming) u l-istimulazzjoni tal-anu bis-swaba' iżidu r-riskju ta' infezzjoni.

    Ix-Shigella infettiva ħafna u meħtieġ ammont żgħir biss ta' batterji biex ikun hemm infezzjoni.

    X'inhuma s-sintomi tal-infezzjoni tax-Shigella u kemm idumu?
    Ix-Shigella mhux dejjem turi sintomi iżda xorta l-persuna tkun infettiva għall-oħrajn mingħajr ma' jkun taf. Is-sintomi tipikament jidhru bejn jum u erbat ijiem wara l-esponiment u ġeneralment idumu sa sebat ijiem.

    Sinjali u sintomi ta' infezzjoni ta' shigella jinkludu:

    • Dijarea li ddum aktar minn 48 siegħa (spiss bid-demm u t-tisfija fiha).
    • Brim fl-istonku.
    • Deni.
    • Tħoss il-ħtieġa li tipporga anki meta tkun għadek kif ippurgajt u tħossok lest (tenesmus).


    X'inhi l-kura għall-infezzjoni tax-Shigella?
    Għalkemm is-sintomi jistgħu ma jkunux pjaċevoli, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dawn jgħaddu fi żmien ġimgħa u kul ma jista' jkun hemm bżonn huwa l-fluwidi u l-mistrieħ. Xi individwi, speċjalment jekk immunosoppressi, jistgħu jiżviluppaw mard aktar gravi u fit-tul li jkun jeħtieġ kura l-isptar. Kura antibijotika tingħata lil każijiet severi.

    It-test ta' l-ippurgar ġie pożittiv jikkonferma Shigella. X'għandi nagħmel biex ma ngħaddihiex lil oħrajn?
    Ix-Shigella infettiva ħafna u tista' tibqa' preżenti fl-ippurgar tiegħek għal ftit ġimgħat wara li jkunu għaddewlek is-sintomi. Għalhekk importanti li:

    • Taħsel idejk ta' spiss bis-sapun u bl-ilma speċjalment wara li tuża l-kamra tal-banju.
    • Tippreparax l-ikel għal oħrajn jekk tkun marid/a u sa ġimgħa wara li jieqfu s-sintomi. Wara dan, ara li dejjem taħsel idejk sewwa qabel tipprepara l-ikel u wara li tuża t-tojlit.
    • Evita kull attività sesswali sa ġimgħa wara li jieqfu s-sintomi. Wara dan, ħu miżuri biex tevita l-esponiment orali-fekali matul is-sess.
    • Taqsamx ma' ħaddieħor ix-xugamani d-dar, u naddaf ta' spiss bil-misħun u s-sapun il-viti kollha, il-pumi tal-bibien, il-manku/buttuna tal-flushing u s-sedil tat-toilet.
    • Tidħolx fi spas/jacuzzi/pixxini sa ġimgħa minn meta jgħaddu s-sintomi.
    • Stenna 48 siegħa wara li jieqfu s-sintomi qabel tmur lura għax-xogħol. Jekk xogħolok huwa fl-ikel, il-kura tas-saħħa jew l-indukrar tat-tfal, għandek iġġib approvazzjoni mis-Saħħa Pubblika qabel ma tmur lura x-xogħol.


    X'nista' nagħmel biex nevita infezzjoni tal-shigella?

    • Aħsel idejk ta' spiss speċjalment wara li tuża t-tojlit, qabel tiekol u wara li tmiss oġġetti / uċuħ potenzjalment ikkontaminati b'materja fekali (eż. ħrieqi).
    • Evita ilma tax-xorb jew tal-għawm potenzjalment ikkontaminat (eż. xorb minn nixxigħat jew waqt l-għawm).
    • Meta tivvjaġġa, ara li tikkonsma ikel u ilma sikur. Tinvolvix ruħek f'attivitajiet sesswali ma' persuni li għandhom jew li reċentement kellhom id-dijarea.
    • Naqqas l-esponiment fekali-orali waqt is-sess.
      • Aħsel idejk, il-ġenitali u l-anu bis-sapun u l-ilma qabel u wara l-attività sesswali.
    • Użaha sew il-prevenzjoni waqt is-sess. Dan jinkludi kondoms matul is-sess anali u vaġinali; ingwanti tal-latex jekk jiddaħħlu s-swaba' jew il-ponn fl-anus, u dental dams għas-sess orali u orali-anali.


    Kif nista' nittestja għax-Shigella?
    Jekk għandek sintomi ta' infezzjoni ta' shigella, jekk jogħġbok ikkonsulta lit-tabib (il-GP) jew il-fornitur tal-kura tas-saħħa tiegħek għal aktar pariri. L-ippurgar tiegħek jista' jiġi ttestjat għall-preżenza tal-batterji Shigella.

    X'għandi nagħmel jekk naħseb li jista' jkolli s-Shigella?
    Tista' tikkuntattja jew iżżur:

    • It-tabib jew iċ-ċentru tas-saħħa lokali tiegħek.
    • Il-GU Clinic 25457491.
    • Jew ibgħat messaġġ fuq Messenger lil Sexual Health Malta jew email fuq sexualhealth.malta@gov.mt.