Epatite A

Main menu

    X'inhi l-epatite (hepatitis)?
    L-epatite hija infjammazzjoni tal-fwied. Hemm tipi differenti ta' epatite, iżda din l-informazzjoni se tiffoka biss fuq l-Epatite A (Hepatitis A).

    X'inhi l-Epatite A?
    L-epatite A hija virus (HAV) li jikkawża infezzjoni fil-fwied fil-bnedmin li tista' tirriżulta f'marda li tista' tkun waħda ħafifa sa gravi. Ġeneralment, kulħadd jirkupra mill-infezzjoni, iżda fi ftit każijiet, tista' jmut minħabba l-epatite fulminanti (il-fwied isir nekrotiku ħafna u jiċkien). Ladarba tiġi infettat/a, l-immunità għall-virus iddum għal għomrok.

    X'inhuma s-sintomi tal-Epatite A?
    Il-marda spiss ma jkollhiex l-ebda sintomu jew tista' tkun ħafifa, b'mod partikolari fit-tfal taħt il-5 snin. Fl-adulti, il-bidu tal-marda normalment iseħħf'daqqa. Is-sinjali u s-sintomi jinkludu:

    Kemm idumu s-sintomi?
    Is-sintomi jistgħu jdumu gimgħa jew ġimagħatejn u anki xhur. L-epatite li ddum jew li tirkadi sa sena sseħħ fi 15 % tal-każijiet.

    Kif tinfirex?
    Il-virus jinxtered mir-rotta fekali (anal) u orali (oral). Dan iseħħ meta persuna, li mhijiex/ma kinitx infettata, tiekol jew inkella tixrob illma li jkun ġie kkontaminat mil-feċi ta' persuna infettata. Jista' jiġi trażmess lil membri oħra tal-familja mill-idejn maħmuġin ta' persuna infettata. Ix-xorb ta' ilma kkontaminat bid-drenaġġ jew li ma jkunx ittrattat b'mod xieraq jirriżulta f'tifqigħat tal-infezzjoni. Il-virus jista' jiġi trażmess ukoll permezz ta' kuntatt sesswali ma' persuna infettata.  L-epatite A tingħadda billi jkun hemm sess mingħajr kondom jew dental dam (b'mod partikolari s-sess orali), fingering u rimming, jew il-qsim ta' ġugarelli sesswali ma' xi ħadd li għandu l-virus.

    Jekk tkun infettat/a bl-Epatite A, tista' xxerridha fi żmien gimagħtejn sa qabel ġimgħa li tiżviluppa s-suffejra. Il-perjodu ta' inkubazzjoni, jiġifieri l-perjodu ta' żmien bejn li wieħed ikun espost għall-virus u l-iżvilupp tas-sintomi tal-Epatite A, huwa ta' 28 sa 30 jum (li jvarja minn 15 sa 50 jum).

    Min huwa f'riskju ta' infezzjoni?
    L-epatite A hija rari f'Malta iżda tista' tkun f'riskju meta tivvjaġġa lejn pajjiżi fejn hija komuni jew tinvolvi ruħek f'ċerti attivitajiet kif imsemmi aktar 'l isfel. L-epatite A tista' taffettwa kull grupp ta' età. Tista' jiġi trażmessa bil-modi li ġejjin:

    • Vjaġġaturi li jivvjaġġaw lejn pajjiżi sottożviluppati.
    • Permezz ta' ilma u ikel ikkontaminat.
    • Iġjene ħażina tal-idejn. L-iġjene tal-idejn hija importanti ħafna, speċjalment f'dawn il-pajjiżi. Uża l-ilma u s-sapun jew sanitizzaturi tal-idejn tal-alkoħol (60%).

    Ikel sikur biex jittiekel:

    • Ikel imsajjar li jiġi servut sħun.
    • Frott u ħaxix li ħsilthom bl-ilma tal-flixkun jew qaxxarthom int.
    • Prodotti tal-ħalib li ġew pasturizzati.
    • Bajd imgħolli iebes.

    Ikel mhux sikur biex jittiekel:

    • Ikel mixtri mingħand bejjiegħa tat-triq.
    • Laħam, ħut jew bajd nej jew mhux imsajjar.
    • Frott u ħxejjex li mhumiex maħsula jew imqaxxrin, jew maħsula b'ilma mhux sikur, inkluż l-insalati.
    • Prodotti tal-ħalib li ma ġewx pasturizzati.
    • Bushmeat (laħam ta' annimali slavaġġ Afrikani).

    Ixrob:

    • Xarbiet minerali.
    • Ilma tal-flixkun issiġillat minn sorsi affidabbli.
    • Xarbiet sħan.
    • Ħalib pasturizzat.

    Tixrobx:

    • Xarbiet bis-silġ, sakemm mhux minn sors sikur.
    • Ilma tal-vit jew ilma minn fliexken miftuħin.
    • Ħalib mhux pasturizzat.
    • Meraq tal-frott/fruit juice li jkun ġie rikostitwit b'ilma mhux sikur, bħal minn bejjiegħa tat-triq.

    Ipprova evita:

    • Kuntatt mill-qrib, bħal bews, tgħanniq, jew li taqsam pożati jew tazez ma' persuni morda.
    • Ikel ilma kkontaminat. L-aktar ikel komuni ta' riskju għoli huma l-gajdri nejjin, il-gandoffli u frott tal-baħar ieħor.
    • Kuntatt personali mill-qrib ma' persuna infettata bl-Epatite A, bħal waqt is-sess, speċjalment għall-irġiel li jkollhom sess mal-irġiel (MSM).
    • Persuni li jgħixu fl-istess dar ta' persuna infettata, permezz ta' idejn kontaminati.
    • Dawk li jinjettaw id-drogi u jaqsmu l-labar jew b'injettar/rikostituzzjoni ta' drogi fuq uċuħ mhux nodfa bħal tojlits pubbliċi.


    Hemm kura għall-Epatite A?
    M'hemm l-ebda trattament mediku speċifiku għall-Epatite A.

    Kif tista' jiġi evitat l-Epatite A?
    L-aktar miżura importanti għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-Epatite A hija l-iġjene tal-idejn. It-trażmissjoni bejn l-individwi tista' tiġi evitata permezz ta':

    • Ħasil tal-idejn bis-sapun u bl-ilma.
    • Ħasil u tnixxif tal-idejn qabel ma jitħejja l-ikel.
    • Ħasil u tnixxif tal-idejn qabel l-ikel.
    • Ħasil u tnixxif tal-idejn wara li tmur it-toilet.
    • Il-ħasil u t-tnixxif tal-idejn wara li jinbdilu l-ħrieqi ta' tarbija.

    L-epatite A hija kontaġġjuża ħafna, għalhekk min ikun infettat m'għandux imur ix-xogħol, l-iskola, jew iċ-ċhildcare sakemm jingħata parir minn tabib li m'għadux infettat u mhux se jinfetta lil ħaddieħor. Waqt li tkun marid bl-Epatite A, l-ilbies ta' taħt, il-bjankerija tas-sodda, ix-xugamani u l-imkatar għandhom jinħaslu bil-misħun u d-detergent.

    Hemm ukoll vaċċin kontra l-Epatite A. Il-vaċċin jittieħed f'żewġ dożi, injezzjoni waħda segwita minn doża booster minn 6 xhur sa 12-il xahar wara l-ewwel doża. Dan jagħtik protezzjoni li tista' ddum għal 25 sena. It-tilqim huwa rrakkomandat għall-irġiel li jkollhom sess mal-irġiel, speċjalment fl-adolexxenti u fl-adulti żgħażagħ. F'adulti akbar fl-età, l-ittestjar huwa rrakkomandat qabel it-tilqim.  Il-vaċċin għandu jingħata lil persuni ta' aktar minn sena qabel ma jivvjaġġaw lejn pajjiżi b'riskju moderati jew għoli, bi protezzjoni li tinkiseb bejn ġimagħtejn u erba' ġimgħat wara li tingħata l-ewwel doża. Żoni endemiċi moderati u għoljin (jiġifieri fejn hi l-marda himifruxa fiż-żona/pajjiż partikolari) jinkludu s-subkontinent Indjan, l-Afrika, l-Amerika t'Isfel u Ċentrali, il-Lvant Imbiegħed (minbarra ż-żoni tal-Asja tal-Paċifiku fejn hemm standard ta' ħajja u dħul għoli), u l-Ewropa tal-Lvant.

    Għal aktar informazzjoni dwar l-ivvjaġġar, jekk jogħġbok żur:
    https://deputyprimeminister.gov.mt/en/phc/pchyhi/Pages/Travel-Vaccination.aspx.

    Vaċċini disponibbli f'Malta
    Ikklikkja hawn (ħolqa għall-vaċċini) għal aktar informazzjoni dwar it-tilqim.

    Appoġġ u Kuntatti għal aktar informazzjoni kkuntattja

    • Il-GP tiegħek (it-tabib tal-familja).
    • Il-GU Clinic 25457494/1.
    • Id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard fuq 23266000.
    • Id-Detox Helpline 22261800.
    • Iċ-Ċentru tal-Immunizzazzjoni l-Furjana: 25680222/3/4/-25680000.


    Riżorsi użati:

    https://ecdc.europa.eu/en/hepatitis-A/facts

    https://www.cdc.gov/hepatitis/hav/index.htm

    https://www.cdc.gov/mmwr/volumes/67/wr/mm6743a5.htm

    https://www.cdc.gov/hepatitis/resources/professionals/pdfs/ABCTable.pdf

    https://www.health.gov.au/health-topics/hepatitis-a

    https://www.healthed.govt.nz/resource/hepatitis

    https://www.who.int/news-room/fact-sheets/detail/hepatitis-a