Vaġinożi Batterika

Main menu

    X'inhi l-Vaġinosi Batterika (bacterial)?
    Il-Vaġinosi Batterika hija tip ta' infjammazzjoni vaġinali kkawżata minn kwantità kbira ta' ċerti batterji. Tiġi meta jitħarbat il-bilanċ bejn il-batterji "tajbin" u "ħżiena".

    Kif teħodha l-Vaġinosi Batterika?
    Mhijiex magħrufa l-kawża preċiża tal-Vaġinosi Batterika (bacterial). Madankollu, hemm fatturi ta' riskju li jistgħu jwasslu għall-iżvilupp tal-marda. Dawn jinkludu:

    • Jekk tkun sesswalment attiva.
    • Jekk għandek partner sesswali ġdid.
    • Jekk għandek bosta partners sesswali.
    • It-tbaħbiħ (douching). It-tbaħbiħ tal-vaġina bl-ilma jew bis-sapun jista' jħarbat il-bilanċ naturali tal-batterji fil-vaġina. Dan jista' jwassal għal żieda fil-batterji anerobiċi u jikkawża l-vaġinosi batterika. Il-vaġina tnaddaf lilha nfisha u m'hemmx bżonn tinħasel.
    • Nuqqas naturali ta' batterji laktobaċilli. Hemm iktar ċans li tiżviluppa l-vaġinosi batterika jekk ma jkollox biżżejjed "batterji tajba (good bacteria)" protettivi bħal-laktobaċilli (lactobacilli).
    • Is-sess orali.
    • It-tipjip.
    • Jekk ġa għandek STI.
    • Il-Vaġinosi Batterika ma tistax tittieħed mill-pixxini, is-sedili tat-toilet jew mill-friex.
    • Madwar 50% tan-nisa ma jkollhomx sintomi.


    Kif nista' nnaqqas ir-riskju li niżviluppa l-Vaġinosi Batterika?

    • Ma tagħmilx sess.
    • Tnaqqas in-numru ta' partners sesswali.
    • Tevita t-tbaħbiħ tal-vaġina.
    • Tuża sew kondoms tal-latex.


    Sintomi:
    Madankollu, jekk IKOLLOK is-sintomi, dawn jistgħu jinkludu:

    • Vaġina li jkollha riħa ħażina mhux tas-soltu - li spiss tiġi deskritta bħala "riħa ta' ħut". Din ir-riħa tkun partikularment prominenti wara s-sess.
    • Tisfija vaġinali li tkun griża jew bajda b'konsistenza rqiqa.
    • Ħakk madwar in-naħa ta' barra tal-vaġina.
    • Ħruq meta tgħaddi l-awrina.

     


    Kif tiġi ttrattata l-Vaġinosi Batterika?
    Il-Vaġinosi Batterika xi kultant tista' tgħaddilek mingħajr trattament. Madankollu, jekk għandek is-sintomi, importanti żżur il-ġinekologu tiegħek biex tingħata trattament għal din il-kundizzjoni.

    Spiss jintużaw l-antibijotiċi biex jittrattaw il-vaġinosi batterika. It-trattament jista' jnaqqas li jkollok STIs oħra. Il-Vaġinosi Batterika tista' terġa' tfeġġ wara t-trattament. Il-partners sesswali rġiel ġeneralment ma jkunux jeħtieġu trattament.

    It-trattament huwa indikat speċjalment għal min ikollu s-sintomi, ikun se jagħmel xi operazzjoni, jew bi tqala.

    X'inhuma l-kumplikazzjonijiet tal-Vaġinosi Batterika?

    • Nisa tqal li jkollhom il-vaġinosi batterika għandhom aktar probabbiltà li jkollhom tfal li jitwieldu qabel iż-żmien jew b'piż baxx mat-twelid.
    • Il-preżenza tal-vaġinosi batterika żżidlek ir-riskju ta' infezzjonijiet trażmessi sesswalment bħall-HIV, l-HSV, il-klamidja u l-gonorrea. Il-Vaġinosi Batterika żżid ukoll iċ-ċansijiet li tgħaddi STIs bħall-HIV lill-partner tiegħek.
    • Riskju ta' infezzjoni wara operazzjoni ġinekoloġika – Meta jkollok il-Vaġinosi Batterika, ikun hemm aktar ċans ta' żvilupp ta' infezzjonijiet wara operazzjonijiet bħal isterektomija.
    • Marda infjammatorja pelvika (PID). Il-Vaġinosi Batterika tista' xi drabi twassal għall-PID. Il-PID hija infezzjoni tal-ġuf li tista' twassal għall-problemi ta' fertilità.


    Referenzi:

    https://www.cdc.gov/std/bv/STDFact-Bacterial-Vaginosis.htm

    https://pubmed.ncbi.nlm.nih.gov/31901667/

    https://www.nhs.uk/conditions/bacterial-vaginosis/

    https://tools.cdc.gov/api/v2/resources/media/124250/html?mediatype%3DHTML&mediaid%3D124250&cssclasses%3Dsyndicate&stripscripts%3Dtrue&stripanchors%3Dfalse&stripimages%3Dfalse&stripcomments%3Dtrue&stripstyles%3Dtrue&imagefloat%3Dnone&oe%3DUTF-8&of%3DXHTML&ns%3DBacterial%2520Vaginosis&nw%3Dtru