Identità u Espressjoni tas-Sessi

Identità u Espressjoni tas-Sessi

    Ġeneru (nom):
    Jirreferi għar-rwoli, l-aspettattivi, l-attivitajiet, l-imġiba u l-attributi mibnija soċjalment li s-soċjetà fi kwalunkwe ħin tassoċja ma' persuna ta' kwalunkwe sess, billi tassumi kwalunkwe forma ta' identità tal-ġeneru jew espressjoni tal-ġeneru. (Kap 581)

    L-identità tal-ġeneru (nom):
    Tirreferi għall-esperjenza interna u individwali tal-ġeneru ta' kull persuna, li tista' tikkorrispondi jew le mas-sess assenjat mat-twelid, inkluż is-sens personali tal-ġisem (li jista' jinvolvi, jekk jintgħażel liberament, modifika tad-dehra tal-ġisem u, jew funzjonijiet b'mezzi mediċi, kirurġiċi jew mezzi oħra) u espressjonijiet oħra tas-sess, inklużi l-isem, l-ilbies, id-diskors u l-manjeriżmi. (Kap 540 u Kap 567)

    Espressjoni tal-ġeneru (nom):
    Tirreferi għall-manifestazzjoni ta' kull persuna tal-identità tal-ġeneru tagħha, u, jew dik li hija perċepita minn oħrajn. (Kap 540 & Kap 567)

    Trans (aġġettiv):
    Dan huwa terminu umbrella inklużiv li jirreferi għal persuni li l-identità tal-ġeneru u/jew l-espressjoni tal-ġeneru tagħhom huma differenti mis-sess/ġeneru li ġew assenjati mat-twelid. Tista' tinkludi, iżda mhijiex limitata għal: persuni li jidentifikaw bħala transesswali, transġeneru, trasvestiti, androġini, poliġeneru, genderqueer, aġeneru, varjanti fil-ġeneru, mhux konformi mal-ġeneru, jew ma' kwalunkwe identità u/jew espressjoni oħra tal-ġeneru li ma tissodisfax l-aspettattivi soċjetali u kulturali mqiegħda fuq l-identità tal-ġeneru.

    Raġel trans:
    Terminu użat biex tiġi identifikata persuna assenjata sess femminili mat-twelid u li tidentifika bħala raġel, tgħix bħala raġel, jew tidentifika bħala maskili.

    Mara trans:
    Terminu użat biex tiġi identifikata persuna assenjata sess maskili mat-twelid u li tidentifika bħala mara, tgħix bħala mara, jew tidentifika bħala femminili.

    Ċisġeneru/Cisgender (aġġettiv):
    Terminu li jirreferi għal dawk il-persuni li l-identità tal-ġeneru tagħhom taqbel mas-sess li ġew assenjati mat-twelid.

    Non-binarju:
    Jiddeskrivi persuna li l-identità tal-ġeneru tagħha taqa' barra mill-binarju tradizzjonali tal-ġeneru. Termini oħra għal persuni li l-identità tal-ġeneru tagħhom taqa' barra mill-binarju tal-ġeneru jinkludu varjanti fil-ġeneru, espansivi fil-ġeneru, fluwidi fil-ġeneru, queer, eċċ. L-espressjoni tal-ġeneru tista' tkun jew ma tkunx differenti min-normi ta' soċjetà għall-irġiel u n-nisa.

    Terapija ormonali transġeneru (nom):
    L-għoti ta' terapija ormonali sabiex jitqabblu l-karatteristiċi fiżiċi ta' persuna mal-identità tal-ġeneru tagħha.

    Proċess ta' affermazzjoni tal-ġeneru (Tranżizzjoni) (nom):
    Sensiela ta' passi li n-nies jistgħu jieħdu biex jgħixu fil-ġeneru li jidentifikaw miegħu. It-tranżizzjoni tista' tkun soċjali u/jew medika. Il-passi jistgħu jinkludu li wieħed joħroġ (coming out) lill-familja, ħbieb u kollegi; l-ilbies u l-imġiba skont il-ġeneru tal-individwu; tibdil tal-isem u/jew tas-sess/ġeneru fuq dokumenti legali; trattamenti mediċi inklużi terapiji ormonali u possibbilment tip wieħed jew aktar ta' kirurġija.

    Assenjazzjoni mill-ġdid tal-ġeneru:
    Il-proċess li permezz tiegħu n-nies jiddefinixxu mill-ġdid il-ġeneru li jgħixu fih sabiex jesprimu aħjar l-identità tal-ġeneru tagħhom. Dan il-proċess jista', iżda m'għandux għalfejn, jinvolvi assistenza medika inklużi terapiji ormonali u kwalunkwe proċeduri kirurġiċi li jgħaddu minnhom in-nies trans biex jallinjaw il-ġisem tagħhom mal-ġeneru tagħhom.

    Operazzjoni ta' Riassenjazzjoni tal-Ġeneru (GRS):
    Terminu mediku għal dak li n-nies trans spiss isejħulha kirurġija tal-konferma/l-affermazzjoni tal-ġeneru, li xi kultant hija (iżda mhux dejjem) parti mit-tranżizzjoni ta' persuna.

    Rikonoxximent tal-ġeneru:
    Proċess li bih il-ġeneru ta' persuna trans jiġi rikonoxxut fil-liġi, jew il-kisba tal-proċess.