Orjentazzjoni Sesswali
Orjentazzjoni sesswali (nom):
Tirreferi għall-kapaċità ta' kull persuna għal attrazzjoni emozzjonali, affettiva u sesswali profonda, u relazzjonijiet intimi u sesswali ma' persuni ta' sess differenti, l-istess sess jew aktar minn ġeneru wieħed. (Kap 567) L-orjentazzjonijiet sesswali l-aktar viżibbli jinkludu, iżda mhumiex limitati għalihom, l-omosesswalità, il-bisesswalità jew l-eterosesswalità.
Lesbjana (aġġettiv):
Mara emozzjonalment u/jew sesswalment attirata lejn nisa oħra.
Gay (aġġettiv):
Persuna li hija emozzjonalment u/jew sesswalment attirata lejn persuni tal-istess sess. Tradizzjonalment, dan jirreferi għall-irġiel, iżda nies oħra li huma attirati lejn l-istess sess jew sessi multipli jistgħu wkoll jiddefinixxu lilhom infushom bħala gay. Għalhekk, "gay" xi kultant tintuża wkoll bħala terminu ġenerali biex tkopri n-nisa lesbjani u l-persuni bisesswali kif ukoll l-irġiel omosesswali.
Omosesswali (aġġettiv):
Terminu użat biex jiddeskrivi xi ħadd li għandu orjentazzjoni romantika emozzjonali u/jew sesswali lejn xi ħadd tal-istess sess. It-terminu "gay" issa qed jintuża b'mod aktar ġenerali.
Bisesswali (aġġettiv):
Persuna li hija emozzjonalment u/jew sesswalment attirata lejn persuni ta' aktar minn sess wieħed.
Eterosesswali (aġġettiv):
Terminu użat biex jiddeskrivi xi ħadd li għandu orjentazzjoni romantika emozzjonali u/jew sesswali lejn xi ħadd ta' sess ieħor. It-terminu "straight" xi kultant jintuża b'mod kollokjali/fit-taħdit.