X'inhi s-Saħħa Sesswali u Riproduttiva
Definizzjoni ta' Saħħa Sesswali
"Is-saħħa sesswali hija stat ta' benessri fiżiku, emozzjonali, mentali u soċjali relatat mas-sesswalità; mhijiex sempliċement in-nuqqas ta' mard, disfunzjoni jew infermità. Is-saħħa sesswali teħtieġ approċċ pożittiv u ta' rispett lejn is-sesswalità u r-relazzjonijiet sesswali, kif ukoll il-possibbiltà li jkun hemm esperjenzi sesswali pjaċevoli u sikuri, ħielsa mill-impożizzjoni, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza. Sabiex is-saħħa sesswali tinkiseb u tinżamm, id-drittijiet sesswali tal-persuni kollha għandhom jiġu rispettati, protetti u mwettqa."
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, 2002
Definizzjoni ta' Saħħa Riproduttiva
Panel 2: Id-definizzjoni tal-Kajr tas-saħħa riproduttiva
"Is-saħħa riproduttiva hija stat ta' benessri fiżiku, mentali u soċjali komplut u mhux sempliċement in-nuqqas ta' mard jew infermità, fil-kwistjonijiet kollha relatati mas-sistema riproduttiva u mal-funzjonijiet u l-proċessi tagħha. Is-saħħa riproduttiva għalhekk timplika li n-nies jista' jkollhom ħajja sesswali sodisfaċenti u sikura u li għandhom il-kapaċità li jirriproduċu u l-libertà li jiddeċiedu jekk, meta u kemm-il darba jagħmlu dan. Impliċiti f'din l-aħħar kundizzjoni huma d-drittijiet tal-irġiel u n-nisa li jkunu infurmati u li jkollhom aċċess għal metodi sikuri, effettivi, affordabbli u aċċettabbli ta' ppjanar tal-familja tal-għażla tagħhom, kif ukoll metodi oħra tal-għażla tagħhom għar-regolamentazzjoni tal-fertilità li mhumiex kontra l-liġi, u d-dritt ta' aċċess għal servizzi xierqa ta' kura tas-saħħa li jippermettu lin-nisa jgħaddu mingħajr periklu mit-tqala u l-ħlas u jipprovdu lill-koppji bl-aħjar ċans li jkollhom tarbija b'saħħitha. F'konformità mad-definizzjoni ta' hawn fuq tas-saħħa riproduttiva, il-kura tas-saħħa riproduttiva hija definita bħala l-kostellazzjoni ta' metodi, tekniki u servizzi li jikkontribwixxu għas-saħħa riproduttiva u l-benessri billi jipprevjenu u jsolvu problemi tas-saħħa riproduttiva. Tinkludi wkoll is-saħħa sesswali, li l-għan tagħha huwa t-titjib tal-ħajja u r-relazzjonijiet personali, u mhux sempliċement konsulenza u kura relatati mar-riproduzzjoni u mard trażmess sesswalment."
[Il-paragrafu 7.2 tar-Rapport tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp]
Lista ta' Referenza:
https://www.who.int/reproductivehealth/publications/general/lancet_1.pdf
https://www.un.org/development/desa/pd/sites/www.un.org.development.desa.pd/files/icpd_en.pdf