Tilqim għall-HPV

X'inhi t-tilqima għall-HPV?
It-tilqima għall-HPV hija tilqima sikura li tagħti l-protezzjoni kontra t-tipi differenti ta' kanċer ikkawżati mill-Human Papilloma Virus (HPV). It-tilqima HPV tgħinek billi tħarsek minn kanċers bħal:

  • Kanċer tal-għonq tal-utru.
  • Xi tipi ta' kanċer tal-ħalq u tal-gerżuma.
  • Xi tipi ta' kanċer tal-anu u taż-żoni ġenitali.

It-tilqima tal-HPV hija parti mill-Programm Nazzjonali għall-Iskedar tal-Immunizzazzjoni. Offrut b'xejn għal-persuni ta' 12-il sena u 'l fuqli jkunu twieldu mis-sena 2000 'il quddiem. Jekk teħtieġ aktar informazzjoni, tista' tikkuntattja lill-Primary Health Care fuq 21 231 231 jew tibgħat email lil immunisation@gov.mt.

X'inhu l-HPV?
Il-Human Papilloma Virus huwa l-aktar infezzjoni virali komuni li tolqot is-sistema riproduttiva. Hemm aktar minn 100 tip ta' Human Papilloma Virus (HPV).

Bosta minnhom ma jkollhomx sintomi imma jistgħu jikkawżaw ħafna tipi ta' mard, bħall-kanċer. Persuna x'aktarx tiġi infettata bl-HPV ftit wara li tkun saret sesswalment attiva.

It-tilqima min liema tip ta' virus tipproteġġik?
It-tilqima bħalissa tipproteġik minn 9 tipi ta' HPV. Dawn huma:

  • 6, 11: Dawn jikkawżaw il-felul ġenitali.
  • 16, 18, 31, 33, 45, 52 u 58: Dawn jikkawżawe kanċer ġenitali bħal kanċer tal-għonq tal-utru u kanċer anali.


Min għandu jitlaqqam?
Iż-żgħażagħ, qabel ma jsiru sesswalment attivi. It-tilqima tal-HPV tħares sew lis-subien sew lill-bniet minn kanċer relatat mal-HPV. Il-bniet li twieldu wara s-sena 2000 jistgħu jitlaqqmu skont il-programm ta' immunizzazzjoni.

Għall-aħjar protezzjoni, it-tilqima trid tingħata qabel ma l-persuna ssir sesswalment attiva. Madankollu, jekk diġà bdejt bl-attività sesswali, xorta għandek teħodha t-tilqima. Jekk bħalissa f'relazzjoni stabbli, xorta waħda ta' min titlaqqam għaliex jista' jkun li l-partner tiegħek kellha/kellu partners sesswali oħra qablek.

Il-kanċer tal-għonq tal-utru mhuwiex marda li tintiret, u dan ifisser li mhuwiex marda ġenetika.

Anki jekk qatt ma kien hemm kanċer tal-għonq tal-utru fil-familja tiegħek, xorta jibqa' r-riskju li tiġi infettat/a bl-HPV, u għalhekk xorta trid titlaqqam.

Jekk ġa kont ġejt infettat/a bl-HPV u rpiljajt, xorta waħda tista' tiġi infettat/a b'tip differenti ta' HPV.

L-iskeda rakkomandata għat-tilqim għal-HPV
It-tilqima tingħatlek f'idek u jkollok bżonn tkun bejn 9 u 14-il sena: żewġ dożi, b'6-12-il xahar bejniethom.

X'jiġri jekk ma nkunx ħadt l-ewwel tilqima għall-HPV qabel ma nkun għalaqt 15-il sena?
Jekk it-tilqima qed teħodha meta tagħlaq il-15 jew wara, ikollok bżonn tliet dożi. L-ewwel żewġ dożi jingħataw b'xahar bejniethom, u t-tielet doża tingħata madwar 5 xhur wara t-tieni doża. Jekk għadek ma tlaqqamtx, kellem lit-tabib/a tiegħek jew lill-Unità tal-Immunizzazzjoni (Immunisation Unit).

U jekk ma nkunx ħadtha? Nista' xorta neħodha?
Mela le! Dejjem tista' teħodha, l-aħjar qabel ma tagħlaq 25 sena.

It-tilqima għall-HPV hija sikura?
It-tilqima hija sikura. Fiha l-virus tal-HPV, li mhuwiex attiv. It-tilqima ma tistax tikkawża l-marda.

It-tilqima tista' tittieħed b'mod sigur flimkien ma' tilqimiet oħra u m'hemmx bżonn jitħalla perjodu ta' żmien bejn it-tilqimiet.

Kemm hi effettiva t-tilqima għall-HPV?
It-tilqima toffri protezzjoni ta' kważi 100% kontra d-9 tipi ta' HPV li hemm fit-tilqima.

X'inquma l-benefiċċji tat-tilqim għall-HPV?
It-tilqim għall-HPV iżomm milli jkun hemm infezzjonijiet li jikkawżaw il-kanċer u tipi ta' pre-kanċer, fosthom il-felul ano-ġenitali.

L-infezzjonijiet tal-HPV u l-pre-kanċer tal-għonq tal-utru (ċelloli anormali li jistgħu jwasslu għall-kanċer) naqqsu b'mod sinifknati minn meta bdiet tintuża t-tilqima.

X'effetti sekondarji għandha t-tilqima?

  • L-aktar komuni: uġigħ ta' ras, u madwar fejn tkun saret it-titqiba, jaf ikun hemm uġigħ, nefħa, ħmura, ħakk, tbenġil u demm.
  • Inqas komuni: deni, griżmejn juġgħu, dardir, dijarea, uġigħ addominali, għejja u sturdament.


Hemm min ma jistax jitlaqqam?
Nies li jkunu ipersensittivi, jew li kellhom reazzjoni allerġika qawwija, reazzjoni għall-ħmira, jew reazzjoni allerġika għal tilqim preċedenti bil-Gardasil 9.

Jekk int tqila, u għadek ma tlaqqamtx, stenna wara t-tqala. Jekk tkun ħadt xi tilqima waqt li ma kontx taf li int tqila, iddiskuti dan mal-ġinekologa/u tiegħek.

It-tilqima għall-HPV (x'ma tagħmilx):

  • Ma tipproteġġix kontra kull każ ta' kanċer tal-għonq tal-utru u ma tiħux post il-ħtieġa ta' screening regolari tal-għonq tal-utru.
  • Ma tittrattax il-kanċer eżistenti tal-għonqa tal-utru.
  • Ma tittrattax infezzjoni tal-HPV li ġa tkun hemm.
  • Ma tipproteġġix kontra mard u kundizzjonijiet, inkluż tipi ta' kanċer, li huma kkawżati minn tipi ta' HPV li mhumiex inklużi fit-tilqima tal-HPV.

Aktar informazzjoni dwar HPV jew inkella ikkuntattja lid-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard fuq 23266000.

Għall-informazzjoni kollha dwar it-tilqima, idħol ħawn: https://primaryhealthcare.gov.mt/en/immunisation/