Klamidja
X'inhi l-Klamidja?
Il-klamidja hija Infezzjoni Trażmessa Sesswalment (STI) ikkawżata minn batterju li jista' jinfetta kemm lill-irġiel kif ukoll lin-nisa.
Kif teħodha l-klamidja?
- Kulħadd jista' jeħodha l-klamidja. Hija komuni ħafna u tista' tiġi trażmessa faċilment bis-sess vaġinali, orali u anali.
- Jekk int tqila u għandek il-klamidja, tista' tgħaddi l-infezzjoni lit-tarbija tiegħek waqt il-ħlas.
- Il-biċċa l-kbira tan-nies li għandhom il-klamidja ma jkunx jafu li għandhom.
- Ħafna drabi, din l-infezzjoni ma jkollhiex sintomi.
- Tista' tgħaddi l-klamidja lil ħaddieħor mingħajr ma tkun taf.
- Il-klamidja faċli biex tiġi ttrattata u kkurata.
- Jekk ma tittrattax il-klamidja, dan jista' jwassal għal problemi serji ta' saħħa.
- Anki jekk kellek il-klamidja qabel, xorta tista' terġa' taqbdek.
Kif nista' nnaqqas ir-riskju tiegħi għall-klamidja?
- Uża l-kondoms kull darba li jkollok sess.
- Ittestja kemm ikun hemm bżonn.
- Illimita n-numru ta' partners tiegħek.
- Tagħmilx sess jekk tkun fis-sakra jew użajt drogi illeċiti.
N.B. Il-ħasil tal-ġenitali wara s-sess mhux se jipprevjeni l-STIs.
X'inhuma s-sintomi tal-klamidja?
Tista' ma tkunx taf li għandek il-klamidja iżda xorta tista' tkun infettat/a u tgħaddi l-infezzjoni lil partners sesswali oħra. Il-biċċa l-kbira tan-nies li għandhom il-klamidja ma jkunux jafux li għandhom. Madankollu, tista' tesperjenza:
F'persuni b'karetteristiċi femminili:
- Aktar tisfija u u/jew bidla fil-kulur jew fir-riħa.
- Sensazzjoni ta' ħruq jew skumdità waqt li tkun qed tgħaddi l-awrina.
- Demm wara s-sess.
- Demm bejn period u ieħor jew periods tqal.
- Uġigħ addominali.
F'persuni b'karatteristiċi maskili:
- Sensazzjoni ta' ħruq jew skumdità waqt li tkun qed tgħaddi l-awrina.
- Tisfija mill-pene.
- Sensazzjoni ta' ħruq jew ħakk fil-ftuħ tal-pene.
- Skumdità/uġigħ u/jew nefħa fit-testikoli.
Sintomi komuni jinkludu:
- Uġigħ fir-rektum.
- Demm mir-rektum.
- Tisfija mir-rektum.
- Infezzjonijiet fl-għajnejn wara kuntatt ma' tisfija ġenitali.
Kif nista' nsir naf jekk għandix klamidja?
- Tista' ċċempel lill-GU Clinic l-Isptar Mater Dei (Livell 2 tal-Outpatients) fuq 25457491 jew 25457494 għal appuntament.
- It-tabib jista' jagħmillek test tad-demm, jistaqsik għal kampjun tal-awrina, jew juża swab, li huwa test faċli u mingħajr uġigħ għall-klamidja. Tista' tiġi ttestjat/a għal STIs oħra peress li jista' jkollok infezzjonijiet oħra trażmessi sesswalment fl-istess ħin.
Meta għandi niġi ttestjat/a?
- Għandek tiġi ttestjat/a malli tesperjenza xi wieħed mis-sintomi elenkati hawn fuq.
- Jekk kellek jew qed ikollok sess vaġinali, anali jew orali mhux protett.
- Jekk qed ikollok sess mhux protett ma' aktar minn partner wieħed.
Kif tiġi ttrattata l-klamidja?
- Il-klamidja tiġi ttrattata u kkurata bl-antibijotiċi.
- Ara li tispiċċa l-kors tal-mediċini kollha. Taqsamhomx ma' nies oħra.
- It-tabib se jinfurmak meta tista' terġa' tkun attiv/a sesswalment. Importanti li ma jkollokx sess sakemm titlesta l-kura. Il-kura tista' tkun doża waħda jew tista' tieħu aktar żmien. Segwi l-parir tat-tabib tiegħek. It-tul ta' żmien tal-kura se jaffettwa meta tkun tista' terġa' jkollok kuntatt sesswali.
- Huwa importanti li tgħid lit-tabib tiegħek jekk intix tqila peress li se jkollok bżonn antibijotiċi differenti.
Jista' jerġa' jkolli l-klamidja wara li nkun ġejt ikkurat/a?
- Iva, tista' terġa' tiġi l-klamidja. Tista' tittieħed minn partner sesswali mhux ittrattat.
X'inhuma l-kumplikazzjonijiet tal-klamidja, jekk ma nkunx ittrattat/a?
F'persuni b'karatteristiċi femminili:
- In-nisa jistgħu jiżviluppaw kumplikazzjonijiet bħall-Mard Inflammatorju Pelviku (PID). Il-klamidja tista' tinfirex fl-utru jew fit-tubi ta' Fallopju (it-tubi tal-bajd) u tikkawża PID. Is-sintomi tal-PID jinkludu: uġigħ addominali/pelviku (li jista' jdum fit-tul), deni, u axxessi interni.
- Din il-ħsara tista' taffettwa ċ-ċans tiegħek li toħroġ tqila, inkluż billi tikkawża infertilità, jew twassal għal tqala ektopika (tqala barra l-utru jew fit-tubi).
F'persuni b'karatteristiċi maskili:
- Tista' jikkawża infjammazzjoni fl-epididimu u/jew fit-testikoli, li jistgħu jikkawżaw uġigħ u jikkawżaw deni.
- Din l-infezzjoni tista' tikkawża ħsara lill-uretra li twassal għal diffikultà biex tgħaddi l-awrina.
- Rarament, dan jista' jaffettwa l-fertilità, saħansitra jwassal għall-infertilità.
Kumplikazzjonijiet oħra jinkludu:
- Is-Sindromu ta' Reiter: forma ta' artrite li twassal għal infjammazzjoni u nfiħ tal-ġogi.
Għandi ninforma llill-partner tiegħi dwar il-klamidja?
- Il-partner tiegħek jista' jkollu l-klamidja wkoll.
- Qis li tgħid lill-partners sesswali reċenti tiegħek biex jiġu ttestjati u ttrattati. Jista' jkollhom il-klamidja mingħajr ma jkunu jafu.
- Il-professjonisti tal-kura tas-saħħa jistgħu jgħinuk tinnotifika lill-partners sesswali tiegħek b'mod kunfidenzjali.
- Jekk xi ħadd jikkondividi l-istatus tas-saħħa sesswali tiegħu miegħek, tiddejjqax - anzi, irringrazzjahom. Int u l-partner tistgħu tiġu ttestjati u ttrattati!
Il-klamidja u t-tqala
It-tarbija mhux imwielda ta' omm tqila infettata bil-klamidja tista' titwieled qabel iż-żmien u tista' tiżviluppa infezzjonijiet fl-għajnejn jew pulmonite.
Il-klamidja taffettwa r-riskju tiegħi li niġi infettat/a bl-HIV?
Il-klamidja tista' wkoll tiffaċilita t-trażmissjoni tal-HIV. L-infjammazzjoni ġenitali kkawżata mill-klamidja tista' twassal għal grieħi mhux tas-soltu fit-tessut ġenitali, u toħloq siti potenzjali fejn il-virus tal-HIV jista' jidħol fil-ġisem.
Kif tista' tiġi evitata l-klamidja?
Il-gonorrea u STIs oħra jistgħu jiġu evitati b'suċċess bl-użu ta' kontraċezzjoni xierqa u billi jittieħdu prekawzjonijiet oħra, bħal:
- Bl-użu ta' kondoms maskili jew kondoms femminili kull darba li jkollok sess vaġinali, jew kondoms maskili matul is-sess anali.
- Uża kondom biex tgħatti l-pene jew dam tal-plastic jew tal-latex biex tgħatti l-ġenitali femminili jekk ikollok sess orali.
- Taqsamx l-użu ta' sex toys, inkella aaħsilhom qabel u wara s-sess u għattihom b'kondom ġdid qabel ma jużahom ħaddieħor.
Aktar informazzjoni u għajnuna
- Kellem lit-tabib tiegħek.
- Ċempel lil GU Clinic fit-25457494/1 għal appuntament.
Referenzi
https://www.cdc.gov/std/chlamydia/Chlamydia-FS.pdf
https://www.cdc.gov/std/chlamydia/the-facts/default.htm
https://iusti.org/wp-content/uploads/2019/11/ChlamydiaLeaflet2017.pdf
https://www.bashhguidelines.org/media/1133/ct-pil-screen-oct-2016.pdf