Il-"Coming Out"

Li tgħid lin-nies dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħek hija transizzjoni kbira. Hija deċiżjoni personali ħafna li għandek tieħu biss jekk tħossok lest/a, filwaqt li żżomm f’moħħok li tista’ tkun iebsa meta ma tħossx li tista’ tkun miftuħ/a dwar min tassew int. Importanti li tiftakar li m’għandekx għalfejn ‘toħroġ’ għal kulħadd f’daqqa.

 


Għalkemm jista’ jkun żmien diffiċli għalik, żomm f’moħħok ukoll li l-aħbar tista’ tkun diffiċli għal dawk li jirċevuha. Tħallix taqtagħlek qalbek din il-ħaġa. Ftakar li, maż-żmien, in-nies se jifhmu u jaċċettaw aktar minn meta tkun għidtilhom l-ewwel darba. Iddeċiedi lil min tixtieq tgħid l-ewwel. Aħseb dwar in-nies li tafda u li taf li se jkunu ta’ appoġġ. Aktar ma jkollok appoġġ, aktar ikun faċli li toħroġ għall-oħrajn. Huwa importanti li n-nies li tgħidilhom ma jgħidux lil ħaddieħor bla ma tkun taf int. Tista’ tiddeċiedi li tgħid lill-ġenituri tiegħek. Xi drabi l-ġenituri jemmnu li rabbew lil uliedhom b’mod li jagħmilhom gay. Dan mhuwiex minnu, u r-riċerka turi li l-fatt li tkun gay huwa ddeterminat minn fatturi bijoloġiċi. Għid lill-ġenituri tiegħek li għandek bżonn l-imħabba u l-appoġġ tagħhom, u li tifhem li jista’ jkollhom bżonn iż-żmien biex jaċċettaw din l-aħbar. Inkella, għall-bidu tista’ toħroġ għand xi ħadd li taf li hu gay. Jista’ jkun li jkunu jistgħu jappoġġjawk u jgħidulek dwar il-proċess tagħhom.

 



Jista’ jkun diffiċli li toħroġ (il-"coming out"), b’mod partikolari fil-bidu, iżda se ssib li dan iġib miegħu aktar benefiċċji għal ħajtek. M’għandekx għalfejn tħoss li qed taħbi xi ħaġa min-nies ta’ madwarek. In-nies isibu li huma inqas anzjużi wara li jkunu ħarġu.