Nifhmu l-Kunsens

 

Tista' tgħid 'LE' lill-partner tiegħek?
M'għandekx tħossok skomdu/a le tgħid LE għas-sess u/jew il-bews, il-petting jew kwalunkwe attività sesswali oħra. Għandek id-dritt tgħid le għal kull ma tkunx lest/a tagħmel. Anki jekk kellek relazzjoni sesswali qabel dan, ma jfissirx li għandek tagħmel is-sess mill-ġdid. L-għażla tibqa' dejjem tiegħek. Ipprova tkellem aktar fir-relazzjoni tiegħek sabiex kemm int kif ukoll il-partner tiegħek issiru tafu aktar dwar l-ideat, l-opinjonijiet u s-sentimenti ta' xulxin.

Ġismek huwa r-responsabbiltà tiegħek. Hemm affarijiet importanti li għandek bżonn tistaqsi lilek innifsek; kemm tafu/ha lill-partner tiegħek? Hemm riskju li għandhom mnejn ikollhom Infezzjoni Akkwistata Sesswalment? Taf liema metodu ta' kontraċezzjoni se tuża? Taf kif tużah? Jekk tħossok inċert/a jew għandek xi dubji, probabbilment m'intix lest/a għas-sess. Kulħadd jgħaddi minn fażi fejn jistaqsi lilu nnifsu jekk iż-żmien u r-relazzjoni humiex tajbin, u huwa normali li tħoss l-inċertezza. Għandek titkellem mal-partner tiegħek, kif ukoll tfittex parir dwar il-kontraċezzjoni, tipproteġi lilek innifsek mill-infezzjonijiet, u tara kif int u l-partner tħossuhom dwarkom infuskom kif ukoll dwar xulxin wara.

Xi żgħażagħ jagħmlu s-sess għax jemmnu li ħbiebhom kollha qed jagħmlu hekk. Tista' tħossok qisek xi persuna stramba jew immatura minħabba li għadek ma kellekx sess. Iżda kieku, ma taħsibx li jiddispjaċik jekk tispiċċa torqod mal-persuna l-ħażina? Fl-aħħar mill-aħħar, ħbiebek se jirrispettawk talli kellek il-kuraġġ iżżomm ma' dak li temmen fih. Jekk qed tinkwieta li għandek mnejn timxi ma' dak li qed jgħidulek sħabek jew il-partner, tkellimha ma' xi ħadd li tafda. Ftakar li x'aktarx din il-persuna jaf tkun għaddiet minn sitwazzjoni simili għal tiegħek. Ftakar ukoll li meta titkellem dwar dawn l-affarijiet, ikollok aktar perspettiva dwar dak li tħossok tajjeb dwaru.

Li titlef il-verġinità tiegħek jew li jkollok is-sess għall-ewwel darba hija deċiżjoni kbira. Hemm kunċett antik u żbaljat li huma biss il-persuni b'karatteristiċi femminili li jistgħu jitilfu l-verġinità tagħhom. Storikament dan jirreferi għall-qtugħ tal-imene (il-ħajta) matul is-sess (għalkemm dan mhux dejjem iseħħ). Madankollu, il-verġinità issa saret tfisser li ma kellekx sess penetrattiv, u dan jgħodd għal kulħadd. Għalkemm is-sess jista' jkun ta' uġigħ għall-ewwel darba għal dawk b'vaġina, oħrajn ma jbatux minn dan l-uġigħ. Jekk tkun skomdu/a, għid lill-partner tiegħek u pprova pożizzjoni ġdida. Madankollu, il-biċċa l-kbira tan-nies isibu li l-ewwel darba taf tkun kemxejn imbarazzanti u jħossuhom skomdi u nervużi. Li titkellem dwar is-sess minn qabel jgħinek tħossok aktar rilassat/a mal-partner tiegħek u dwar dak li tassew tridu matul is-sess.

Dejjem għandek id-dritt tgħid le għas-sess, anki jekk tkun bdejt!


Kif ngħid 'le' għas-sess?
Dawn huma xi ideat dwar kif tista' tgħid LE b'mod pulit, iżda xorta twassal il-messaġġ:

Partner: Jekk tħobbni, trid torqod miegħi!
Tweġiba: Jekk tħobbni, trid tirrispetta kif inħossni!

Partner: Sħabi diġà għamlu s-sess!
Tweġiba: Nippreferi nistenna li t-tnejn li aħna nkunu lesti, u missek aktar tagħti każ dak li nħoss milli dak li jagħmlu sħabek.

Partner: M'intix kbira biżżejjed għas-sess?
Tweġiba: L-età tiegħi ma tfissirx li lest/a għas-sess. Is-sess nagħmlu meta nħossni lesta għalih.

Partner: M'hemmx bżonn kondom!
Tweġiba: Nippreferi ma niħux infezzjoni jew ninqabad tqila.