Onkoloġija

Id-dijanjożi tal-kanċer u t-trattamenti korrispondenti li spiss jinkludu l-kirurġija, ir-radjoterapija, u l-kimoterapija, se jaffettwaw b'mod profond is-sesswalità, l-identità sesswali, u l-imġiba sesswali. Kirurġiji bħal mastektomija (it-tneħħija tas-sider), ooforectomija (it-tneħħija ta' ovarja jew ovarji), vulvektomija (it-tneħħija tal-vulva), isterektomija (it-tneħħija tal-utru), u orkidektomija (it-tneħħija ta' testikolu wieħed jew tat-tnejn) jista' jkollhom impatt sinifikanti fuq il-persuna b'modi bħal:

  • Telf ta' interess fis-sess.
  • Tħossok inqas tqanqil sesswali.
  • Diffikultajiet ta' erezzjoni/żamma tal-erezzjoni.
  • Li jkollok orgażmu.
  • Uġigħ waqt is-sess.


Kimoterapija
Bil-kimoterapija, l-effetti spiss ikunu kemm fiżiċi kif ukoll psikoloġiċi. Dawk tal-età li jista' jkollhom it-tfal għandhom jingħataw parir biex jipprevjenu t-tqala, peress li l-kimoterapija għandha effett detrimentali fuq l-iżvilupp tal-embrijun. Jista' jingħata parir għall-preservazzjoni tal-isperma u t-tessut testikolari. It-tim mediku jiddiskuti dawn l-għażliet f'aktar dettall. Il-kimoterapija spiss twassal għal nuqqas ta' xewqa sesswali u lubrikazzjoni vaġinali mnaqqsa, li possibbilment twassal għal uġigħ matul is-sess. Il-pazjenti li jkunu għaddejjin minn kimoterapija għandhom jingħataw parir ukoll biex jipproteġu lilhom infushom kontra infezzjonijiet trażmessi sesswalment, speċjalment meta l-għadd ta' ċelloli bojod tagħhom ikun baxx, bl-użu kostanti ta' kondoms. Telf ta' xagħar, żieda jew telf fil-piż, li tħossok ma tiflaħx, nixfa fil-ħalq, dijarea, stitikezza, għeja, u telf ta' aptit għandhom effett detrimentali fuq il-ħajja sesswali tal-persuni involuti.

Radjoterapija
Bir-radjoterapija spiss issir ħsara lokalizzata lin-nervituri, il-muskoli, il-vini u l-arterji, li spiss taffettwa l-kapaċitajiet tal-persuna li tesprimi s-sesswalità tagħha. Ir-radjazzjoni spiss toħloq diffikultajiet erettili, nixfa vaġinali li twassal għal sess bl-uġigħ, żieda fil-piż jew telf fil-piż, dardir, remettar, stitikezza, dijarea, ħruq mir-radjazzjoni, u għeja estrema, li huma kollha deterrenti għal stil ta' ħajja sesswali f'saħħitha.

Appoġġ
B'xorti tajba, bil-pariri u t-tmexxija mit-tim tal-onkoloġija, ħafna nies u partners jaġġustaw u jħossuhom sodisfatti bit-tip ta' relazzjonijiet sesswali li għandhom. Dan jista' jfisser aġġustament għall-bidliet fil-modi kif wieħed ikun sesswali mas-sieħeb/sieħba tiegħu/tagħha. Dan jista' jieħu ż-żmien u xi sperimentazzjoni. Huwa utli ħafna li titkellem mal-partner u taqsam is-sentimenti, il-biżgħat u x-xewqat tiegħek. Barra minn hekk, importanti li jintlaħaq kunsens flimkien dwar x'jista' jsir dak iż-żmien biex wieħed ikun jista' jirrilassa u jesprimi s-sentimenti tiegħu mingħajr biża'. L-erezzjoni, il-penetrazzjoni, u l-orgasżmu jistgħu jsiru sekondarji għall-intimità reċiproka u r-rabta emozzjonali.

Il-kura tal-kanċer spiss twassal għal bidla fl-immaġni tal-ġisem, għalhekk trid terġa' ssir taf lil ġismek u taċċetta lilu nnifsu kif int. L-awtoesplorazzjoni tista' tgħin, bħall-mess ta' żoni li qabel ma kinux meqjusa sesswali, bħall-kpiepel tal-għajnejn, il-widnejn, u d-dahar. Aktar ma jiġi kkonfrontat malajr il-ġisem mibdul, aktar issir faċli l-fiduċja fik innifsek u s-sesswalità. Ġisem jista' jiġi apprezzat b'diversi modi mhux sesswali, bħal massaġġi reċiproċi, doċoċ/banjijiet flimkien, u b' xi tip ta' attività fiżika, bħal mixja qrib il-baħar jew fil-kampanja. L-eżerċizzju jżid il-fluss tad-demm lejn il-ġisem, inklużi l-organi sesswali. Il-ħwejjeġ u l-ilbies ta' taħt sesswali li jiddevjaw l-attenzjoni miż-żoni tal-ġisem affettwati jistgħu jgħinu lix-xewqa. L-iskoperta ta' modi ġodda għas-sodisfazzjoni sesswali jista' ssir eżerċizzju aktar sodisfaċenti fih innifsu milli r-rutina sesswali tas-soltu. Il-komunikazzjoni mal-partner hija kruċjali biex jindraw il-bidliet fil-ġisem. Importanti wkoll li taċċetta l-kumplimenti pożittivi mill-partner tiegħek sabiex terġa' tħosso attraenti. Jekk tħossok eżawrit/a, fittex attivitajiet sesswali inqas enerġetiċi u aktar sodisfaċenti.

It-tgawdija tas-sesswalità tal-individwu ma tinterferixxix mat-trattament, tagħmel il-kanċer agħar, jew iżżid ir-riskju tar-rikorrenza. Huwa importanti li jiżdiedu l-opportunitajiet għall-kuntatt fiżiku u l-qrubija għal benesseri aħjar.