Kondom tal-Irġiel

X’inhu kondom tal-irġiel?
Il-kondom huwa magħmul minn għant irqiq ħafna tal-lattiċi (lastiku) li għandu jintlibes fuq il-pene qabel il-kuntatt ġenitali (inkluż is-sess orali). Il-kondoms iwaqqfu l-isperma milli tiltaqa’ mal-bajda. L-użu konsistenti u korrett tal-kondom tal-lattiċi tal-irġiel inaqqas ir-riskju tat-trażmissjoni ta’ infezzjonijiet trażmessi sesswalment.

X’inhi l-effikaċja ta’ kondom tal-irġiel?
98% effettiv jekk dejjem jintuża b’mod korrett skont l-istruzzjonijiet. Jipprevjeni t-tqala u l-STIs. Dan ifisser li 2 nisa minn kull 100 joħorġu tqal f’sena.
Meta tuża l-kondoms, huwa importanti li:

  • Tuża kwalità tajba.
  • Tevita ħsara kimika jew fiżika.
  • Tużax ma’ lubrikant ibbażat fuq iż-żejt eż. Vażellina.
  • Tilbes il-kondom fuq il-pene qabel il-kuntatt ġenitali u tiġbed il-pene ‘l barra wara l-eġakulazzjoni.
  • Tarmi l-kondom jekk jintlibes bil-maqlub.
  • Tieħu ħsieb li ma jkunx hemm taqtir waqt li jinġibed lura, billi żżomm it-tarf ta’ taħt tal-kondom.
  • Tuża kull kondom darba waħda biss.
  • Tivverifika d-data tal-iskadenza.
  • Check that it has the CE mark on the packet

Kondoms ta’ kwalità tajba jridu jkunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-istituzzjoni tal-Istandards Brittaniċi (BS 3704 1989) u kondoms ta’ kwalità tajba mibjugħa fil-Komunità Ewropea għandhom ikunu konformi mal-istandard uniku Ewropew il-ġdid tal-kondoms. Huma biss il-kondoms li għandhom il-marka BSI (BSI kite mark) u l-Logo Standard Ewropew, magħruf ukoll bħala l-marka CE Ewropea li jiżguraw li huma konformi u jilħqu l-istandards ta’ kwalità rikonoxxuti u kriterji ta’ affidabbiltà. Għalhekk, inti mħeġġeġ tiċċekkja li l-kondom għandu l-marka tal-BSI u l-logo CE, u li l-pakkett ma jkunx skadut!

X’inhuma r-raġunijiet għaliex m’għandekx tuża kondom?
Xi nies jistgħu jkunu allerġiċi għall-kondoms, għalkemm dan huwa rari. F’dan il-każ, għandhom jintużaw kondoms li mhumiex magħmulin mil-lattiċi (eż. Avanti, li komunement jinstabu fl-ispiżeriji).

Kif għandek tilbes kondom:
Il-pakkett fih l-istruzzjonijiet.
Biex tuża kondom tal-irġiel sew, segwi dawn il-passi:

  • Uża kondom kull darba li jkollok x’taqsam sesswalment.
  • Ivverifika d-data tal-iskadenza fuq il-pakkett.
  • Iftaħ bl-attenzjoni l-pakkett tal-fojl li fih il-kondom, u oqgħod attent li ma ċċarratx il-kondom.
  • Żomm il-ponta tal-kondom bejn sebgħek il-werrej u sebgħek il-kbir biex taċċerta ruħek li ma jintlibisx bil-maqlub u li ma tidħolx arja ġewwa (il-kondom jista’ jinqasam jekk tinqabad l-arja ġo fih).
  • Poġġi l-kondom fuq it-tarf tal-pene.
  • Waqt li tagħfas il-ponta tal-kondom, irromblah ‘l isfel fuq it-tul tal-pene erett.
  • Jekk il-kondom ma jirromblax ‘l isfel, probabbli jkun bil-maqlub – erġa’ ibda b’kondom ġdid għax jista’ jkun hemm l-isperma fuqu.

Għandi nuża lubrikant mal-kondom?
Ħafna mill-kondoms jiġu lesti b’lubrikant. Jekk ikun meħtieġ, hu rakkomandat li jintużaw lubrikanti bbażati fuq l-ilma fuq il-kondoms.

Għadni kif kelli tarbija. Nista’ nuża kondoms?
Iva, tista’ tuża kondoms wara li kellek tarbija.

Nista’ nuża kondoms wara korriment?
Iva, il-kondoms jistgħu jintużaw immedjatament wara korriment.

Għandi bżonn nuża spermiċida?
Le. Il-kondoms ma jeħtiġux spermiċida addizzjonali biex joqtlu l-isperma.

Jista’ jintuża kondom għas-sess orali?
Il-kondoms jistgħu jintużaw għas-sess orali. Jistgħu jintużaw kondoms bit-togħma.

Liema kondoms huma l-aħjar għal sess anali?
Kondoms standard huma adattati għal sess anali. Huwa rrakkomandat li jintuża lubrikant waqt is-sess anali biex jitnaqqas ir-riskju li l-kondom jinqasam.

Fejn nista’ nsib kondoms?
Il-kondoms jistgħu jinxtraw minn spiżerija u ħwienet minn fuq il-bank mingħajr riċetta tat-tabib.

X’inhuma l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-kondoms?
Vantaġġi

  • Taħt il-kontroll tal-koppja.
  • L-ebda effetti sistemiċi.
  • Jista’ jintuża faċilment.
  • Protezzjoni kontra l-biċċa l-kbira tal-STIs, inkluż l-HIV.
  • Jipprevjeni t-tqala.
  • Jista’ jipproteġi kontra l-kanċer ċervikali.
  • Spermiċida addizzjonali mhijiex rakkomandata jew meħtieġa.

Żvantaġġi

  • Meqjusa bħala xi ħaġa maħmuġa.
  • Jitqies li jfixkel l-att sesswali.
  • Jista’ jiżloq jew jiċċarrat jekk ma jintużax sew jew jekk ikun id-daqs jew il-forma l-ħażina.
  • Jeħtieġ ippjanar bil-quddiem.
  • Inaqqas is-sensittività.
  • Ma jistax jintuża flimkien ma’ lubrikanti bbażati fuq iż-żejt bħall-vażellina.

Kontraindikazzjonijiet

  • Allerġija għal-lattiċi jew għall-ispermiċida.
  • Problemi ta’ erezzjoni bħal problemi biex tinżamm l-erezzjoni.

X’jista’ jagħmel il-kondom inqas effettiv?

  • Kondom jista’ jinqasam jew jiċċarrat għax jista’ jkun li lbist il-kondom bil-maqlub, jew għax tkun daħlitlu l-arja, jew għax il-kondom ikun ġie f’kuntatt ma’ prodott li jinħall fix-xaħam, bħal vażelina jew żejt tat-trabi li jaqsmu l-kondom.
  • Diversi sustanzi u preparazzjonijiet, inklużi l-prodotti kollha bbażati fuq iż-żejt, jaffettwaw l-effikaċja tal-kondom. Dawn jinkludu medikazzjonijiet fil-vaġina għal infezzjonijiet fungali (bħal thrush) jew infezzjonijiet oħra.
  • Fallimenti komuni oħra tal-kondoms huma minħabba li l-kondoms jitqattgħu waqt li qed jinfetaħ il-pakkett tal-aluminju jew għax jintlaqtu b’xi difer jew xi ġojjellerija bil-ponta waqt li jkunu qed jintlibsu. Għalhekk, meta qed tiftaħ il-pakkett tal-kondom, il-kondom għandu jkun imbuttat ‘il barra u magħfus lejn il-ġenb biex ma jiċċarratx. Il-pakkett tal-kondom għandu jingħafas biex jgħin il-kondom joħroġ u mhux jinġibed ‘il barra bid-dwiefer. M’għandekx tiftaħ il-pakkett tal-kondom bi snienek jew bl-imqass għax il-kondom ta’ ġewwa jista’ jiġi danneġġat. Jekk kondom jiċċarrat waqt li jkun qed jiġi applikat mid-dwiefer jew ċrieki bil-ponta, għandu dejjem jintuża kondom ġdid.
  • Nuqqas komuni ieħor tal-kondom jiġri meta dan jiżloq fil-vaġina wara telf tal-erezzjoni wara l-penetrazzjoni sesswali. Il-kondoms jiżolqu waqt l-att sesswali jew jibqgħu ġol-vaġina meta l-pene jitneħħa wara l-att sesswali minħabba li r-raġel ma jirnexxilux iżomm l-erezzjoni u jonqos milli jżomm il-kondom meta joħroġ il-pene tiegħu mill-vaġina, u jħalli l-kondom ġol-vaġina. Il-kondom jista’ wkoll joħroġ faċilment meta jintlibes bil-maqlub. Għalhekk, għandu jintuża kondom qabel il-pene jiġi f’kuntatt mal-vulva. Il-kondom għandu jintlibes meta l-pene jkun imqajjem u jitrembel sew ‘l isfel mat-tul kollu tiegħu. Bl-id l-oħra, il-persuna li tużah għandha tagħfas il-kondom fir-ras tal-pene biex tneħħi l-arja ta’ ġo fih. Wara l-eġakulazzjoni, il-pene għandu jinħareġ billi żżomm il-kondom mit-tarf t’isfel tal-pene biex tiżgura li ma jibqax fil-vaġina.
  • Xi koppji jsibuha diffiċli biex jużaw il-kondom, u jilmentaw li huwa żgħir wisq jew kbir wisq. Ħafna rġiel u nisa jieqfu jużaw il-kondoms ukoll għax jilmentaw minn nuqqas ta’ sensittività. Huwa maħsub li raġuni waħda għaliex l-irġiel jilmentaw li tilfu s-sensittività bil-kondoms hi minħabba li jħossuh ssikkat ħafna. Ftit jafu li l-kondoms jiġu f’qisien differenti u jistgħu jinxtraw biex jakkomodaw daqsijiet differenti tal-pene. Il-kondoms kollha jistgħu jitwessgħu għalhekk m’għandhomx ikunu żgħar iżżejjed. Barra minn hekk, il-kondoms li għandhom it-tarf wiesa’ huma aktar tajbin għal dawk l-irġiel li jilmentaw li l-kondom hu żgħir wisq għalihom, għax jistgħu jtaffulhom il-problema tal-issikkar. Il-kondoms bil-kurvatura huma aktar tajbin għal dawk l-irġiel li jsibuhom kbar iżżejjed. Jeżistu wkoll kondoms ta’ daqs kbir ħafna u ta’ daqs żgħir ħafna.
  • Tuża lubrikant żejjed jew ftit wisq.
aħbarijiet & attivitajiet

L-Aħħar Aħbarijiet Tagħna

Riżorsi

Riżorsi Utli

Għandi bżonn check-up?

Wieġeb ftit mistoqsijiet biex niddeterminaw jekk għandekx bżonn tiskeda appuntament. Jekk le, aħna nipprovdu gwida dwar il-passi li jmiss.

Sexual Health Malta
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.