Żika

X’inhi ż-Zika?
Iż-Zika tiġi trażmessa mill-gdim tan-nemus Aedes. Dawn jigdmu kemm binhar kif ukoll billejl. Sal-lum iż-Zika mhix preżenti fil-gżejjer Maltin, għalkemm in-nemus huwa preżenti. Tista’ tieħu ż-Zika meta żżur pajjiżi fejn iż-Zika hija endemika.

Tiġi kkawżata mill-virus Zika, imsemmi għall-foresta Zika fl-Uganda, fejn ġie skopert inizjalment.

Dangerous Zika Infected Mosquito Bite on Green Background. Leishmaniasis, Encephalitis, Yellow Fever, Dengue, Malaria Disease, Mayaro or Zika Virus Infectious Culex Mosquito Parasite Insect Macro.

Kif nista’ nnaqqas ir-riskju tiegħi għaż-Zika?
Tinsab f’riskju jekk ivvjaġġajt jew se tkun qed tivvjaġġa lejn pajjiżi li tista’ tara liema huma permezz tal-mappa f’din il-ħolqa: https://wwwnc.cdc.gov/travel/page/zika-information

Fil-pajjiżi msemmija, kien hemm rapporti preċedenti ta’ tifqigħat taz-Zika.

In-nemus Aedes jinsab f’pajjiżi oħra, fosthom Malta, iżda ma ġie rrappurtat l-ebda każ ta’ Zika. In-nemus Aedes ma jinsabx fil-pajjiżi kollha.

Tista’ tnaqqas ir-riskju li tieħu ż-Zika permezz ta’:

  • Prevenzjoni waqt l-Ivvjaġġar.
  • Ir-repellenti tan-nemus għandhom jiġu applikati biex jipproteġuk mill-gdim. Jeżistu diversi tipi ta’ repellenti, pereżempju DEET, Picaridin (jekk għandek allerġija għad-DEET), eċċ. Importanti li ssegwi l-istruzzjonijiet tal-manifattur dwar kif għandhom jiġu applikati biex ir-repellent ikun effettiv. Il-manifattur jagħti wkoll parir dwar l-applikazzjoni mill-ġdid. Ir-repellenti tan-nemus ma għandhomx jiġu applikati direttament fuq il-ġilda taħt il-ħwejjeġ u għandhom jiġu applikati wara l-protezzjoni kontra x-xemx (sunscreen), jekk jintuża. L-użu tar-repellenti tal-insetti fuq trabi taħt ix-xahrejn mhuwiex rakkomandabbli. Huwa rrakkomandat li l-ħwejjeġ u l-bqija tal-affarijiet li jkollok jiġu ttrattati b’repellenti tal-insetti skont kif dirett mill-manifattur.

Rakkomandazzjonijiet:

  • Ilbes kmiem twal u qalziet u tilbisx kuluri jgħajtu minħabba li dawn jattiraw in-nemus.
  • Jekk possibbli, ibqa’ fi kmamar bl-arja kondizzjonata.
  • Qiegħed nemusieri jew ħsajjar tax-xibka mal-bibien u t-twieqi.
  • Orqod taħt xibka għal kontra n-nemus, jekk possibbli.

Prevenzjoni waqt is-Sess
Importanti li tilbes kondom waqt l-attività sesswali peress li l-virus taż-Zika ġie ddokumentat li jkun preżenti fis-semen. Dan importanti speċjalment jekk is-sieħba tiegħek tkun tqila, peress li l-virus jista’ jiġi trażmess mill-omm għat-tarbija fil-ġuf.

Huwa rrakkomandat li tuża l-kondoms, jekk tkun asintomatiku/a u tkun żort wieħed mill-pajjiżi fejn tkun ġiet irrapportata ż-Zika, għal mill-inqas tmien ġimgħat wara li terġa’ lura minn dan il-pajjiż. Jekk kellek sintomi, huwa rrakkomandat li tuża l-kondoms għal mill-inqas sitt xhur wara li tirritorna minn pajjiż affettwat miż-Zika.

Trasfużjoni tad-demm
Huwa rrakkomandat ukoll li d-demm ma jingħatax għal mill-inqas 28 jum wara r-ritorn minn pajjiż affettwat miż-Zika.

Kif teħodha ż-Żika?

  • Mil-gdim tan-nemus.
  • Mis-sess.
  • Minn omm tqila għat-tarbija tagħha li tkun għadha fil-ġuf.
  • Possibbilment permezz ta’ trasfużjoni tad-demm (għadhom għaddejjin aktar studji).

X’inhuma s-sintomi taż-Zika?
Jista’ jkun li ma jkollok l-ebda sintomu.

Is-sintomi jistgħu jinkludu:

  • Deni
  • Uġigħ ta’ ras.
  • Raxx.
  • Uġigħ fil-ġogi.
  • Uġigħ fil-muskoli.
  • Għajnejn ħomor.

Is-sintomi ġeneralment idumu għal ftit jiem jew saħansitra għal ġimgħa. Il-biċċa l-kbira tal-persuni infettati biż-Zika ma juru l-ebda sintomu.

Kif nista’ niskopri għandix iż-Zika?
Billi jkollok test tad-demm speċifikament għaż-Zika, jew xi drabi tista’ tintalab li l-awrina tiegħek tiġi ttestjata. It-tabib tiegħek jista’ jistaqsi jekk tlaqqamtx kontra virus ieħor tal-istess familja tal-virus Zika, eż.: dengue, deni tan-Nil tal-Punent (West Nile fever), Enċefalite Ġappuniża, peress li dawn jistgħu jaffettwaw ir-riżultat tiegħek.

Meta għandi niġi ttestjat/a?
Jekk ivvjaġġajt lejn pajjiżi fejn l-infezzjoni taż-Zika hija endemika u tkun żviluppajt sintomi.

Kif tiġi ttrattata ż-Zika?
Il-kura tingħata biex jiġu kkontrollati s-sintomi, u ma jkun hemm l-ebda trattament speċifiku. Importanti li tixrob il-fluwidi sabiex iżżomm idratazzjoni tajba. Jekk għandek deni u/jew uġigħ, huwa importanti li tieħu l-paracetamol, u tevita l-aspirina jew antiinfjammatorji mhux sterojdali (NSAIDs) oħra, speċjalment jekk ma tkunx taf għandekx iż-Zika jew possibbilment infezzjonijiet oħra bħad-Dengue. Jekk għandek raxx li qed jieklok, ikkonsulta lit-tabib tiegħek biex jippreskrivilek antistamina. Importanti wkoll li tistrieħ kemm jista’ jkun. Huwa rari ħafna li l-pazjenti jkunu jeħtieġu jidħlu l-isptar.

Nisa tqal
Jekk int tqila, u vvjaġġajt lejn xi wieħed mill-pajjiżi msemmija hawn fuq, anki jekk m’għandekx sintomi, jew qed tippjana li żżur wieħed minn dawn il-pajjiżi, huwa importanti li titkellem mal-ġinekologu tiegħek.

Nista’ nerġa’ nieħu ż-Zika wara li nkun fiqt?
Le, ġeneralment il-persuni li ġew infettati biz-Zika jsiru immuni għal għomorhom.

X’inhuma l-kumplikazzjonijiet taż-Zika jekk ma tiġix ittrattata?
Jekk int tqila, l-effetti fuq it-tarbija fil-ġuf jistgħu jirriżultaw fi ħsara serja, inkluża l-mikroċefalija, minbarra ħsara oħra fil-moħħ. Dan jista’ jwassal ukoll għal korriment, twelid tat-tarbija mejta, eċċ.
Is-sindromu Guilllain-Barre ġie rrappurtat f’xi pazjenti.

Aktar informazzjoni u għajnuna

  • Kellem lit-tabib tiegħek
  • Jekk int tqila, kellem lill-ġinekologu tiegħek.
  • Kellem Konsulent dwar il-Mard Infettiv.
  • Ċempel lill-ĠU Clinic fuq 25457494/1 għal appuntament.

Referenzi:

https://www.who.int/news-room/fact-sheets/detail/zika-virus

https://www.ecdc.europa.eu/en/zika-virus-disease

https://www.cdc.gov/zika/index.html

https://wwwnc.cdc.gov/travel/page/zika-information (aċċessat it-18/06/2020)

aħbarijiet & attivitajiet

L-Aħħar Aħbarijiet Tagħna

Riżorsi

Riżorsi Utli

Għandi bżonn check-up?

Wieġeb ftit mistoqsijiet biex niddeterminaw jekk għandekx bżonn tiskeda appuntament. Jekk le, aħna nipprovdu gwida dwar il-passi li jmiss.