PEP

Importanti

Il-PEP huwa trattament li jiddependi ħafna fuq il-ħin. Persuna li tista’ tkun ġiet esposta għall-HIV għandha tfittex valutazzjoni medika urġenti mill-aktar fis possibbli. Il-PEP jista’ xorta wahda jigi kkunsidrat sa 72 siegħa wara l-esponiment.

 

X’inhu l-PEP?

Il-PEP ifisser Profilassi wara l-Esponiment. Huwa kors qasir ta’ mediċina kontra l-HIV li jista’ jingħata wara espożizzjoni possibbli għall-HIV. L-għan tiegħu hu li jnaqqas ir-riskju ta’ infezzjoni bl-HIV jekk jinbeda malajr u jittieħed kif suppost.

Il-PEP mhuwiex meħtieġ wara kull esponiment. Professjonist tal-kura tas-saħħa jevalwa t-tip ta’ esponiment, ir-riskju li s-sors ikun infettat bl-HIV, u fatturi oħra li jistgħu jaffettwaw r-riskju tat-trażmissjoni. Id-deċiżjoni jekk jinbediex il-PEP tittieħed skont il-każ individwali.

Meta għandi nitlob ghall-PEP wara riskju potenzjali?

Staqsi ghal parir mediku urġenti jekk taħseb li stajt ġejt espost għall-HIV permezz ta’ sess mingħajr protetezzjoni, aggressjoni sesswali, qsim ta’ tagħmir għall-injezzjoni, jew kuntatt ma’ demm jew ma’ ċerti fluwidi tal-ġisem fuq il-post tax-xogħol. Il-PEP jiġi kkunsidrat wara valutazzjoni klinika tar-riskju. Mhuwiex meħtieġ awtomatikament f’kull sitwazzjoni.

Id-demm, is-sekrezzjonijiet ġenitali u l-fluwidi tal-ġisem imħallta bid-demm iżidu r-riskju tat-trażmissjoni. Il-PEP huwa rrakkomandat ukoll f’każijiet t’aggressjoni sesswali. Wara korriment bil-labra minn sors potenzjalment infettat bl-HIV, u wara evalwazzjoni bir-reqqa, il-professjonisti tal-kura tas-saħħa jistgħu jiddeciedu li hemm bżonn il-PEP.

Kemm malajr irrid nibda l-PEP?

Il-PEP għandu jinbeda mill-aktar fis possibbli, fi żmien 72 siegħa wara l-esponiment. Aktar ma’ jinbeda kmieni tant l-aħjar.

Kemm idum il-kors tat-trattament tal-PEP?

Il-kors standard idum 28 jum. Huwa importanti li l-PEP jittieħed eżatt kif preskritt u li jitlesta l-kors kollu sakemm professjonist tal-kura tas-saħħa ma jagħtikx struzzjonijiet differenti.

Min jiddeċiedi jekk għandiex bżonn il-PEP?

Professjonist tal-kura tas-saħħa jiddeċiedi wara valutazzjoni klinika tas-sitwazzjoni. Din il-valutazzjoni normalment tqis it-tip ta’ esponiment, jekk il-persuna sors hijiex magħrufa jew jekk hemmx probabbilta’ li għandha l-HIV, u t-tagħbija virali tal-HIV tal-persuna sors, jekk din tkun magħrufa.

Nista’ nieħu l-PEP jekk jien tqila?

It-tqala ma teskludix l-użu tal-PEP, iżda għandha tiġi diskussa waqt il-valutazzjoni. Din tista’ taffettwa l-għażla tal-mediċina u s-segwitu, għalhekk huwa importanti li ssemmi jekk intix tqila jew jekk taħseb li tista’ tkun tqila.

Liema mediċini jintużaw għall-PEP?

Il-professjonist tal-kura tas-saħħa jagħżel il-mediċina tal-HIV l-aktar adattata ghas-sitwazzjoni speċifika. L-għażla tista’ tiddependi fuq l-istorja medika, il-funzjoni tal-kliewi, it-tqala, l-allerġiji u l-interazzjonijiet possibbli ma’ mediċini oħra.

Hemm xi effetti sekondarji?

Il-mediċini tal-PEP jistgħu jikkawżaw effetti sekondarji, għalkemm ħafna nies itemmu l-kors mingħajr problemi serji. Il-professjonist tal-kura tas-saħħa għandu jispjega l-effetti sekondarji possibbli u x’għandek tagħmel jekk dawn iseħħu. Kull min jiżviluppa sintomi inkwetanti għandu jfittex parir mediku.

X’segwitu jkun meħtieġ wara li nibda l-PEP?

Is-segwitu huwa importanti. Skont l-esponiment u r-riżultati inizjali, dan jista’ jinkludi appuntament ma’ tabib jew speċjalista tal-klinika GU jew tal-HIV, testijiet ghal infezzjonijiet trazmessi sesswalment (STI)s, u testijiet ripetuti għall-HIV u għall-epatite. Segwitu ulterjuri jiddependi mill-istatus tat-tilqima kontra l-epatite B, mir-riżultati tat-testijiet u miċ-ċirkostanzi kliniċi.

X’jiġri jekk ninsa nieħu doża?

Jekk tinsa doża X’għandek tagħmel
Fi żmien 18-il siegħa mill-ħin tas-soltu Ħu d-doża li nsejt kemm jista’ jkun malajr, imbagħad kompli ħudha kif suppost.
Aktar minn 18-il siegħa tard Aqbeż id-doża li nsejt u ħu d-doża li jmiss fil-ħin tas-soltu.
Jekk ta’ spiss tinsa tieħu d-dożi jew madwar il-hin ta’sess/riskju Kellem professjonist tal-kura tas-saħħa, ghax huwa importanti li tieħu l-mediċina b’mod regolari.

 

Il-PEP huwa bla ħlas?

PEP jingħata bla ħlas meta jkun klinikament indikat wara valutazzjoni tar-riskju minn professjonist tal-kura tas-saħħa.

Fejn nista’ niġi evalwat biex jiġi ddeterminat jekk għandix bżonn il-PEP?

  • Il-PEP jista’ jiġi preskritt fil-klinika GU matul il-ħinijiet tax-xogħol. Għal parir, ċempel 25457494 jew 25457491.
  • Barra l-ħinijiet tax-xogħol, il-PEP jista’ jinkiseb mid-Dipartiment tal-Emerġenza.
  • Aggressjoni sesswali fuq Mara – mid-Dipartiment tal-Ġinekololoġija
  • Aggressjoni sesswali fuq Raġel – mid-Dipartiment tal-Emerġenza.
  • Iċ-Ċentri tal-Kura tas-Saħħa Primarja huma disponibbli 24 siegħa kuljum.
  • Jekk persuna tmur id-Dipartiment tal-Emerġenza, jew Ċentru tal-Kura tas-Saħħa Primarja, se tingħata riċetta u referenza biex tattendi l-klinika GU fl-ewwel ġurnata tax-xogħol li jmiss.
  • Kontroll tal-infezzjoni f’każ ta’ esponiment fuq il-post tax-xogħol
  • Bħalissa l-kura qed tingħata mill-spiżerija ta’ Mater Dei u mill-spiżerija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Nista’ nuża l-PEP minflok il-kondoms jew il-PrEP?

Le, il-PEP huwa għal użu ta’ emerġenza wara esponiment possibbli. Dan m’għandux jintuża bħala metodu regolari ta’ prevenzjoni. Professjonist tal-kura tas-saħħa jista’ jagħtik pariri dwar is-sess aktar sigur, l-użu tal-kondoms, testijiet regolari u jekk il-PrEP jistax ikun adattat bħala prevenzjoni kontinwa tal-HIV.

X’għandi nagħmel issa jekk naħseb li għandi bżonn il-PEP?

Fittex parir mediku urġenti minnufih. Tistenniex li jidru s-sintomi, għax l-infezzjoni bl-HIV tista’ ma tikkawżax sintomi u l-PEP huwa trattament li jiddependi fuq il-ħin. Jekk l-esponiment kien minħabba aggressjoni sesswali, mur immedjatament id-Dipartiment tal-Emerġenza (Id-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei).

You can also check the Spanish version here.

aħbarijiet & attivitajiet

L-Aħħar Aħbarijiet Tagħna

Riżorsi

Riżorsi Utli

Għandi bżonn check-up?

Wieġeb ftit mistoqsijiet biex niddeterminaw jekk għandekx bżonn tiskeda appuntament. Jekk le, aħna nipprovdu gwida dwar il-passi li jmiss.

Sexual Health Malta
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.