Sterilizzazzjoni Maskili

X’inhi l-isterilizzazzjoni maskili (vażektomija)?
Il-proċedura kirurġika hija magħrufa bħala vażektomija u tista’ ssir bil-loppju lokalizzat jew ġenerali.

Kif taħdem il-vażektomija?
Issir qatgħa jew tnejn fuq kull naħa tal-iskrotu biex ikun lokalizzat il-vas deferens. Meta jinqata’ l-vas deferens l-isperma ma tkunx tista’ toħroġ u r-raġel isir infertili ladarba l-vas deferens jitbattal mill-isperma, li jieħu madwar 3 xhur. Għalhekk, se tkun meħtieġa kontraċezzjoni alternattiva għal madwar 3 xhur wara l-proċedura. Wara li jkun hemm żewġ okkażjonijiet infila li fihom ma tidhirx sperma fertili, l-użu tal-metodu l-ieħor ta’ kontraċezzjoni jista’ jitwaqqaf.

Kemm hija effettiva l-vażektomija?
Il-vażektomija hija forma effettiva ħafna ta’ kontraċezzjoni. Ir-rata immedjata ta’ falliment tagħha hija ta’ 1 minn kull 1000; l-aħħar rata ta’ falliment hija ta’ bejn 1 minn kull 3000 u 1 minn kull 7000. Għalkemm rari ħafna, vażektomiji jistgħu jfallu, u huwa maħsub li dan jiġri minħabba li l-vas deferens jerġa’ jifforma.

Kif issir il-vażektomija?
Il-vażektomija tinvolvi l-qtugħ tal-vas deferens, li huwa t-tubu li jġorr l-isperma mill-epididimi fit-testikoli għall-vesikoli seminali.
Hemm żewġ tipi ta’ vażektomija:

  • Vażektomija konvenzjonali bl-użu ta’ sikkina.
  • Vażektomija mingħajr l-użu ta’ sikkina (ligatura).

Vażektomija konvenzjonali

  • It-tabib tiegħek jaqta’ 2 inċiżjonijiet żgħar b’sikkina t-tnejn fl-iskrotu tiegħek biex jintlaħqu t-tubi (li jġorru l-isperma tat-testikoli – vas deferens).
  • Kull tubu jinqata’ u titneħħa parti żgħira. It-truf tat-tubi mbagħad jingħalqu, jew billi jintrabtu jew billi jiġu ssiġillati.
  • Il-punti jitħietu (punti li jinħallu).

Vażektomija mingħajr l-użu ta’ sikkina

  • It-tabib tiegħek jagħmel toqob żgħar fl-iskrotu tiegħek biex jilħaq it-tubi.
  • B’dan il-mod, jista’ jħoss kull waħda mill-vas deferens tiegħek taħt l-iskrotu u jew jaqtagħhom jew jagħmel irbit biex jinżammu f’posthom.
  • M’hemmx bżonn punti f’din il-proċedura.

Qabel l-operazzjoni
Il-vasektomija teħtieġ konsulenza, preferibbilment maż-żewġ partijiet tal-koppja, peress li din hija deċiżjoni li se taffettwa liż-żewġ partijiet għal dejjem. Peress li dan huwa metodu permanenti ta’ kontraċezzjoni, il-koppja għandha tkun ċerta mid-deċiżjoni tagħha, u konxja li dan huwa diffiċli ħafna biex jitreġġa’ lura. Ir-riversibilita ta’ vażektomija hija aktar faċli mir-riversibilità ta’ sterilizzazzjoni femminili. Matul il-konsulenza l-koppji ta’ spiss jintalbu jikkunsidraw ċerti xenarji, pereżempju x’jaħsbu jekk is-sieħba tagħhom tmut, ikunu jridu jkollhom tfal ma’ xi ħadd ieħor? Jew jekk wieħed mit-tfal tagħhom imut, ikunu jixtiequ aktar tfal? Jekk ma kellhomx tfal, hemm ċans li jistgħu jbiddlu ħsiebhom? Xi drabi l-koppji ma jkunux qiesu l-possibbiltà ta’ avvenimenti ewlenin f’ħajjithom u l-effetti tagħhom, u waqt il-konsulenza jiddeċiedu li jieħdu din id-deċiżjoni permanenti aktar tard.

Wara l-operazzjoni

  • Wara l-operazzjoni: Huwa komuni li jkollok xi ftit skumdità, nefħa u tbenġil tal-iskrotu wara l-vażektomija. Xi demm jista’ jkun ukoll preżenti fis-semen tiegħek fl-ewwel ftit eġakulazzjonijiet. Għall-ewwel tista’ tilbes ħwejjeġ ta’ taħt issikkati għall-appoġġ matul il-ġurnata u billejl.
  • Xogħol u attivitajiet: Tirkupra kompletament fi żmien ġimgħa mill-proċedura, li matulha l-persuna tingħata istruzzjonijiet biex tieħu l-affarijiet bil-mod u tevita li tqandel affarijiet tqal, li tagħmel eżerċizzju fiżiku qawwi u li tagħmel att sesswali.
  • Iġjene: It-tabib tiegħek se jiggwidak meta tkun tista’ tieħu banju jew doċċa wara l-operazzjoni tiegħek.
  • Att sesswali: Tista’ terġa’ tagħmel is-sess hekk kif tħossok komdu. Trid tuża kontraċezzjoni addizzjonali għat-8 sat-12-il ġimgħa li jmiss. Dan importanti minħabba li se jibqa’ xi ftit mis-semen fil-vas deferens tiegħek (it-tubi). Ħafna drabi l-irġiel jinkwetaw fuq il-ħila tagħhom li jżommu erezzjonijiet u jkollhom kopulazzjoni sesswali wara l-vażektomija. Xi rġiel jaraw il-vażektomija bħala kastrazzjoni u jinkwetaw li l-ħila tagħhom li jiffunzjonaw bħala raġel se tkun indebolita. Iżda, il-vażektomija ma taffettwax il-libido, l-erezzjonijiet, jew l-orgażmu, u l-eġakulazzjoni se tkun l-istess, imma ma jibqax ikun fiha sperma.
  • Effett u relazzjoni psikoloġiċi: Wara l-vażektomija, xi rġiel jistgħu jesperjenzaw mumenti ta’ dwejjaq minħabba t-telfien tal-fertilità tagħhom u għax jaħsbu li tilfu s-sesswalità. Dan jiddependi minn kif iħossu r-raġel bid-deċiżjoni li jkun ħa; jekk iħoss li kien sfurzat jew imġiegħel jieħu d-deċiżjoni, jista’ jħoss rabja u dwejjaq fuq it-telfien tiegħu. Min-naħa l-oħra, xi rġiel jaraw il-vażektomija bħala l-opportunità tagħhom li jagħmlu xi ħaġa, speċjalment wara li s-sieħba tagħhom kellha t-tfal. Dan jista’ jtejjeb ir-relazzjoni tagħhom u jressaqhom aktar qrib xulxin, u jnaqqas l-ansjetà fuq aktar tqala ‘l quddiem.

Xi kunsiderazzjonijiet mediċi oħra wara l-operazzjoni

  • Żieda fit-temperatura, uġigħ jew nefħa minħabba infezzjoni.
  • Ematoma u tbenġil minħabba dmija interna.
  • Uġigħ u nefħa jekk l-isperma toħroġ fit-tessut tal-madwar (granuloma tal-isperma).

Il-vażektomija hija riversibbli?
Ir-riversibbiltà ta’ vażektomija mhux faċli u mhux dejjem taħdem. Importanti li tifhem dan qabel tmur għal din il-proċedura, kun żgur li tifhem li din tista’ ma tkunx riversibbli u ma jkunx jista’ jkollok tfal fil-futur.

Min jista’ jagħmel vażektomija?
Il-biċċa l-kbira tal-irġiel jistgħu jagħmlu vażektomija. Iżda, din tista’ ma tkunx adattata għalik, jekk għandek jew kellek:

  • Diżabilità fiżika serja.
  • Problemi fis-sistema tal-awrina.
  • Problemi fir-relazzjonijiet
  • Nuqqas ta’ deċiżjoni minn wieħed mill-koppja.

X’inhuma l-vantaġġi?

  • Effettività għolja fil-prevenzjoni tat-tqala.
  • Tneħħija tal-ansjetà ta’ tqala mhux ippjanata.
  • Proċedura sikura u sempliċi.
  • Ma taffettwax l-ormoni tiegħek, ix-xewqa sesswali jew l-interferenza fis-sess.

X’inhuma l-iżvantaġġi?

  • Meħtieġa kontraċezzjoni alternattiva sakemm jinkisbu żewġ eġakulazzjonijiet infila mingħajr sperma.
  • Ikun hemm bżonn ta’ operazzjoni żgħira.
  • Ikun hemm bżonn tal-loppju lokalizzat jew ġenerali.
  • Mhux riversibbli faċilment.
  • Ma tipproteġikx kontra l-STIs.
  • Rarament, it-tubi tal-vas deferens jistgħu jerġgħu jingħaqdu, iżda dan rari ħafna.

X’inhuma r-riskji?

  • Nefħa
  • Tbenġil
  • Fsada ġewwa l-iskrotu.
  • Demm fis-semen.
  • Infezzjoni.
  • Akkumulazzjoni rari ta’ fluwidu fit-testikoli, uġigħ kroniku.
  • Tqala – rari ħafna li vażektomija titfejjaq, u s- sieħba sesswali tiegħek tista’ tkun f’riskju li toħroġ tqila jekk ma tkunx intużat kontraċezzjoni addizzjonali.

Kemm għandi mmur għal vista ta’ spiss?
It-tabib tiegħek se jiggwidak meta jkun l-appuntament li jmiss tiegħek.

Madankollu, tistenniex sal-appuntament li jmiss jekk:

  • Taħseb li tista’ tkun tqila.
  • Jista’ jkollok STI jew HIV/AIDS.
  • Għandek uġigħ qawwi fin-naħa t’isfel taż-żaqq.
  • Dmija eċċessiva.

Jekk għamilt vażektomija, jiena protett minn Infezzjonijiet Trażmessi Sesswalment?
Le, il-kondoms tal-irġiel u tan-nisa biss (meta jintużaw b’mod korrett u konsistenti) jipproteġuk mill-STIs.

aħbarijiet & attivitajiet

L-Aħħar Aħbarijiet Tagħna

Riżorsi

Riżorsi Utli

Għandi bżonn check-up?

Wieġeb ftit mistoqsijiet biex niddeterminaw jekk għandekx bżonn tiskeda appuntament. Jekk le, aħna nipprovdu gwida dwar il-passi li jmiss.

Sexual Health Malta
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.