Shigella

X’inhi x-Shigella?
Ix-Shigella hija batterju li jikkawża marda tad-dijarea (shigellożi/shigellosis).

Kif tinxtered is Shigella?
Ix-Shigella tista’ tinxtered permezz ta’ kuntatt mal-feċi (il-kokò) ta’ persuna infettata billi:

  • Jittiekel ikel ikkontaminat minn persuna li tbati mix-shigellożi.
  • Jinbela’ ilma kkontaminat minn materja fekali infettata.
  • Waqt is-sess, jekk il-batterji fil-materja fekali jgħaddi għall-ħalq meta jintlagħqu ġilda, kondoms jew ġugarelli kkontaminati. Għalhekk attivitajiet sesswali bħas-sess oro-anali (rimming) u l-istimulazzjoni tal-anu bis-swaba’ iżidu r-riskju ta’ infezzjoni.

Ix-Shigella infettiva ħafna u meħtieġ ammont żgħir biss ta’ batterji biex ikun hemm infezzjoni.

X’inhuma s-sintomi tal-infezzjoni tax-Shigella u kemm idumu?
Ix-Shigella mhux dejjem turi sintomi iżda xorta l-persuna tkun infettiva għall-oħrajn mingħajr ma’ jkun taf. Is-sintomi tipikament jidhru bejn jum u erbat ijiem wara l-esponiment u ġeneralment idumu sa sebat ijiem.

Sinjali u sintomi ta’ infezzjoni ta’ shigella jinkludu:

  • Dijarea li ddum aktar minn 48 siegħa (spiss bid-demm u t-tisfija fiha).
  • Brim fl-istonku.
  • Deni
  • Tħoss il-ħtieġa li tipporga anki meta tkun għadek kif ippurgajt u tħossok lest (tenesmus).

X’inhi l-kura għall-infezzjoni tax-Shigella?
Għalkemm is-sintomi jistgħu ma jkunux pjaċevoli, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dawn jgħaddu fi żmien ġimgħa u kul ma jista’ jkun hemm bżonn huwa l-fluwidi u l-mistrieħ.

Xi individwi, speċjalment jekk immunosoppressi, jistgħu jiżviluppaw mard aktar gravi u fit-tul li jkun jeħtieġ kura l-isptar. Kura antibijotika tingħata lil każijiet severi.

It-test ta’ l-ippurgar ġie pożittiv jikkonferma Shigella. X’għandi nagħmel biex ma ngħaddihiex lil oħrajn?
Ix-Shigella infettiva ħafna u tista’ tibqa’ preżenti fl-ippurgar tiegħek għal ftit ġimgħat wara li jkunu għaddewlek is-sintomi. Għalhekk importanti li:

  • Taħsel idejk ta’ spiss bis-sapun u bl-ilma speċjalment wara li tuża l-kamra tal-banju.
  • Tippreparax l-ikel għal oħrajn jekk tkun marid/a u sa ġimgħa wara li jieqfu s-sintomi. Wara dan, ara li dejjem taħsel idejk sewwa qabel tipprepara l-ikel u wara li tuża t-tojlit.
  • Evita kull attività sesswali sa ġimgħa wara li jieqfu s-sintomi. Wara dan, ħu miżuri biex tevita l-esponiment orali-fekali matul is-sess.
  • Taqsamx ma’ ħaddieħor ix-xugamani d-dar, u naddaf ta’ spiss bil-misħun u s-sapun il-viti kollha, il-pumi tal-bibien, il-manku/buttuna tal-flushing u s-sedil tat-toilet.
  • Tidħolx fi spas/jacuzzi/pixxini sa ġimgħa minn meta jgħaddu s-sintomi.
  • Stenna 48 siegħa wara li jieqfu s-sintomi qabel tmur lura għax-xogħol. Jekk xogħolok huwa fl-ikel, il-kura tas-saħħa jew l-indukrar tat-tfal, għandek iġġib approvazzjoni mis-Saħħa Pubblika qabel ma tmur lura x-xogħol.

X’nista’ nagħmel biex nevita infezzjoni tal-shigella?

  • Aħsel idejk ta’ spiss speċjalment wara li tuża t-tojlit, qabel tiekol u wara li tmiss oġġetti / uċuħ potenzjalment ikkontaminati b’materja fekali (eż. ħrieqi).
  • Evita ilma tax-xorb jew tal-għawm potenzjalment ikkontaminat (eż. xorb minn nixxigħat jew waqt l-għawm).
  • Meta tivvjaġġa, ara li tikkonsma ikel u ilma sikur.
  • Tinvolvix ruħek f’attivitajiet sesswali ma’ persuni li għandhom jew li reċentement kellhom id-dijarea.
  • Naqqas l-esponiment fekali-orali waqt is-sess.
    • Aħsel idejk, il-ġenitali u l-anu bis-sapun u l-ilma qabel u wara l-attività sesswali.
  • Użaha sew il-prevenzjoni waqt is-sess. Dan jinkludi kondoms matul is-sess anali u vaġinali; ingwanti tal-latex jekk jiddaħħlu s-swaba’ jew il-ponn fl-anus, u dental dams għas-sess orali u orali-anali.

Kif nista’ nittestja għax-Shigella?
Jekk għandek sintomi ta’ infezzjoni ta’ shigella, jekk jogħġbok ikkonsulta lit-tabib (il-GP) jew il-fornitur tal-kura tas-saħħa tiegħek għal aktar pariri. L-ippurgar tiegħek jista’ jiġi ttestjat għall-preżenza tal-batterji Shigella.

X’għandi nagħmel jekk naħseb li jista’ jkolli s-Shigella?
Tista’ tikkuntattja jew iżżur:

  • It-tabib jew iċ-ċentru tas-saħħa lokali tiegħek.
  • Il-GU Clinic 25457491.
  • Jew ibgħat messaġġ fuq Messenger lil Sexual Health Malta jew email fuq [email protected].
aħbarijiet & attivitajiet

L-Aħħar Aħbarijiet Tagħna

Riżorsi

Riżorsi Utli

Għandi bżonn check-up?

Wieġeb ftit mistoqsijiet biex niddeterminaw jekk għandekx bżonn tiskeda appuntament. Jekk le, aħna nipprovdu gwida dwar il-passi li jmiss.

Sexual Health Malta
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.